Waqt it-tnedija tal-istudju nazzjonali fuq l-aċċess għal ikel bnin, nadif u ġust, ippubblikat mill-Osservartorju Nazzjonali għall-Għajxien Xieraq u ċ-Ċentru Nazzjonali għar-Riċerka tal-Familja, fi ħdan il-Fondazzjoni tal-President għall-Ġid tas-Soċjetà, il-President ta’ Malta Marie-Louise Coleiro Preca qalet li huwa d-dritt tal-poplu tagħna li jkabbar, ibiegħ u jiekol ikel bnin, nadif u ġust. Il-President spjegat kif dan l-istudju, li qiegħed jiġi mniedi llum, janalizza l-aċċess għal ikel bnin, nadif u ġust.
Il-President tkellmet dwar wieħed mill-indikaturi ewlenin li ħareġ minn dan l-istudju, iġifieri dwar il-fatt li nstab li l-ikel huwa l-akbar spiża li għandha familja ta’ erba’ persuni, instab li familja ta’ erbgħa minn nies trid tonfoq aktar minn €500 fix-xahar biex tiekol ikel bnin. Instab ukoll li dan l-ammont inaqqas l-aċċess għall-ikel bnin għal numru ta’ familji f’pajjiżna. Dan ifisser li dawn il-familji huma f’riskju li jsofru minn vulnerabbiltà u li jgħixu f’sitwazzjoni prekarja.
Il-President Coleiro Preca qalet ukoll li l-ikel li nieklu għandu impatt qawwi fuq il-kwalità u fuq it-tul tal-ħajja tal-individwi. Irreferiet ukoll għal indikaturi oħra li joħorġu minn studji oħrajn bħalma hi l-kwistjoni ta’ l-obeżità qawwija f’pajjiżna u l-fatt li nofs l-imwiet f’pajjiżna huma kawża ta’ mard kardjovaskulari, li jfisser li l-kwistjoni tal-aċċess għal ikel bnin, nadif u ġust hija kwistjoni ta’ importanza kbira, fit-twettiq tal-ġustizzja soċjali.