Lawrence Dimech, ġurnalist veteran li ħadem kemm f’Malta u iżjed minn hekk fost il-komunità Maltija-Awstraljana fi New South Wales, għadu kemm ingħata ġieħ fil-Parlament Awstraljan mill-Ministru għall-Enerġija u t-Tibdil fil-Klima.
Dan fl-okkażjoni li Dimech, li għandu 88 sena, ħabbar fiċ-ċelebrazzjoni annwali tal-komunità Maltija-Awstraljana, li qed jirtira minn kull pożizzjoni komunitarja.
F’diskors fil-Parlament Awstraljan u li ġie mxerred fuq il-midja soċjali, il-Ministru Chris Bowen faħħar il-karriera twila ta’ Dimech u rringrazzjah għas-servizz li ta lill-komunità.
Dimech, li għandu storja twila fil-qalb tal-komunità Maltija-Awstraljana, kien emigra minn pajjiżna lejn l-Awstralja fl-1954 u serva bħala l-ewwel editur tal-Malta News u The Maltese Herald.
Minbarra hekk serva wkoll bħala l-ewwel Konslu-Ġenerali ta’ New South Wales, waqt li kien President tal-Kunsill Komunitarju Malti tal-istess stat Awstraljan.
Minbarra hekk hu kien il-fundatur tal-klabb tal-futbol Awstraljan, il-Parramatta Eagles, fejn serva fir-rwoli ta’ President u Segretarju.
Fost l-unuri li ġie rikonoxxut bihom għas-servizzi tul il-karriera tiegħu, Dimech ingħata l-midalja tal-Ordni tal-Awstralja fl-2003, filwaqt li fl-2013 ingħata l-Ordni Nazzjonali tal-Mertu f’pajjiżna stess fuq ir-rakkomandazzjoni tal-Prim Ministru ta’ dak iż-żmien, Joseph Muscat.