Minkejja l-bidla fit-tmexxija tal-Partit Nazzjonalista ma nbidel xejn.
Minkejja l-messaġġi mill-elettorat li l-istrateġija elettorali tal-Partit Nazzjonalista mhix taħdem, il-mod kif jaħdem il-Partit Nazzjonalista ma nbidilx.
Mhux biss mill-2019, iżda mill-elezzjoni tal-2013.
Dawn id-dikjarazzjonijiet għamilhom il-Ġurnalist ta’ esperjenza Raphael Vassallo f’artiklu fil-Maltatoday, fejn fost oħrajn innota d-drabi li l-esponenti tal-Partit Nazzjonalista jmorru fl-istituzzjonijiet Ewropej ifittxu kundanni għal pajjiżna.
Vassallo staqsa kemm-il stħarriġ irid ikun hemm u kemm il-telfa f’elezzjoni, biex partit jifhem li ċerti strateġiji ma jkunux qed jaħdmu.
Fl-artiklu tiegħu Vassallo jindika li din mhux l-uniku problema u jgħid li l-poplu Malti jistenna wkoll li xi kultant l-Oppożizzjoni toħroġ b’policies li jaħdmu jew xi tip ta’ viżjoni politika.
“Dawn mhux domandi li ġejjin mingħandi biss,” jikteb Vassallo li jżid li “dawn ġejjin mingħand kull tip ta’ nies, inkluż eks membri tal-Partit Nazzjonalista li issa mid-dehra għandhom bżonn xi forma ta’ rijabilitazzjoni.”
B’tal-aħħar tkun referenza ċara lejn il-fatt li l-Ħadd li għadda, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li min irid jmur lura fil-Partit Nazzjonalist l-ewwel għandu jirrijabilita ruħu.
Xi ħaġa li kiteb dwarha wkoll l-editorjal tat-TORĊA bit-titlu ir-rijabilitazzjoni tal-Partit Nazzjonalista.
It-Torċa qalet li Bernard Grech ħalla lil ħafna sorpriżi meta minflok ħareġ l-id tal-ħbiberija għamel kundizzjoni għal min jiftillu jerġa’ jħares lejn il-Partit Nazzjonalista.
“Dan jixhed mil-liema skola ta’ ħsieb ġej Bernard Grech.
Fil-fatt, il-Kap tal-Oppożizzjoni ġej minn dak il-grupp fil-Partit Nazzjonalista li għadu jemmen li tul is-snin, il-Partit Nazzjonalista ftit li xejn żbalja u minflok żbalja biss min telqu għax għoġbitu aktar il-politika li kien qed jipproponi ħaddieħor,” jgħid l-editur tat-TORĊA, li mbagħad għamel lista ta’ bidliet li għandu jgħaddi minnhom il-Partit Nazzjonalista.