Il-gazzetti Times of Malt u MaltaToday innutaw il-qasma li hemm fil-grupp parlamentari Nazzjonalista dwar il-vot tal-IVF, li se jittieħed illejla.
Il-gazzetta MaltaToday qalet li hemm għaxar deputati Nazzjonalisti li qed jippjanaw li jivvutaw kontra fil-vot dwar l-emendi iżjed b’saħħithom fil-liġi tal-IVF. Il-gazzetta innutat li dawn id-deputati se jmorru kontra l-kelma tal-Kap, Bernard Grech, li qal li l-grupp parlamentari kollu tiegħu se jivvota favur dawn l-emendi. Dan filwaqt li ntqal ukoll li Bernard Grech ma jridx jagħti l-vot ħieles lid-deputati tiegħu.
Il-MaltaToday qalet li sorsi mill-Partit Nazzjonalista qalu li l-membri parlamentari se jitolbu għal division, li turi kif id-deputati jivvutaw individwalment, u dan sabiex juru li l-emendi mhux se jkunu għaddew b’mod unanimu.
It-Times semmiet kif erba’ deputati Nazzjonalisti li tkellmu magħha qalu li jinsabu skomdi jivvutaw mal-linja tal-Partit.
Dan juri biċ-ċar li l-vot tal-Erbgħa kompla jqajjem l-irwiefen fil-Partit Nazzjonalista ta’ Bernard Grech. L-ewwel ma ħareġ kontra Grech kien l-eks Kap Nazzjonalista Adrian Delia. Wara Delia deputati oħrajn esprimew ruħhom ukoll favur li d-deputati tal-Oppożizzjoni jitħallew jivvutaw kif iridu, fosthom Alex Borg, Carm Mifsud Bonnici, Ivan Bartolo, u Paula Mifsud Bonnici.