Tmienja mid-disa’ ġurati kkonkludew li Kevin Micallef ma kienx f’sensih meta qatel lil ommu u lil zitu f’Ħal Għargħur f’Lulju tal-2018.
Wara li nqara dan il-verdett, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera ordnat li Micallef jinżamm fl-Isptar Monte Carmeli, fejn se jingħata l-kura.
Il-ġurin li ntemm illum, li sar biex jiġi ddeterminat jekk l-akkużat kienx f’sensih meta wettaq id-delitt doppju u, konsegwentement, għandux jgħaddi ġuri, kien jitratta fost oħrajn il-kontroreplika tad-Difiża permezz tal-Avukat Francois Dalli.
Fil-fatt, Dr Dalli fl-indirizz tiegħu spjega li l-każ ta’ qtil inkwistjoni juri kemm l-imputat ma kienx fi stat ta’ saħħa normali. Dan minħabba l-fatt li l-imputat lanqas biss ħarab iżda ta ruħu b’idejh lill-pulizija u saħansitra rrabja mal-Pulizija li ma bdewx jemmnuh li wettaq ir-reat hu.
L-Avukat irrimarka wkoll li malli l-imputat ġie f’sikktu kien disturbat ħafna bir-reat tant li ma setax jorqod. Qal li dan ikompli jikkonferma kemm ma kienx f’sensih waqt il-kummissjoni tar-reat.
Intant, fis-seduta tal-Erbgħa, kien diġà ġie rimarkat minn bosta professjonisti li Micallef isofri minn diżordni psikotika magħrufa bħala Huntington li taffettwa n-nervituri u li twassal għal mard mentali wkoll.
L-Avukat Francois Dalli sostna wkoll li ħu l-imputat u anke missieru mietu b’din il-marda newroloġika.
Qabel il-ġurin daħlu jiddeliberaw, l-Imħallef Consuelo Scerri Herrera sostniet fuq l-importanza tal-liġi fuq il-kuxjenza tal-istess ġurin. Hija irrmarkat ukoll li d-deċiżjoni tagħhom trid tkun sostnuta fuq il-provi.