Il-ġurati li għaddejjin bil-ġuri ta’ Michael Emmanuel mill-Kosta tal-Avorju, daħlu jiddeliberaw.
Ir-raġel ta’ 33 sena jinsab mixli li fil-15 ta’ Settembru tal-2018 qatel lis-sieħba tiegħu Maria Lourdes Agius.
Agius instabet mejta fuq is-sodda tal-appartament li kienet qed tgħix fih qrib il-Gymnasia fi Triq F. Tortell f’Raħal Ġdid.
Wara l-investigazzjonijiet, kien irriżulta li l-vittma, li kellha 35 sena, mietet fgata. Fil-fatt, mill-awtopsja ħareġ li Agius kellha marki ta’ tagħfis ma’ għonqha u numru ta’ tbenġil.
Huwa kien ilu joqgħod mal-vittma għal madwar 3 snin. Meta nstab il-katavru tal-mara, l-akkużat kien deher fuq l-għatba tad-dar, waqt li kien qed ikun miżmum mill-Pulizija.
Il-ġurati daħlu jiddeliberaw wara li l-Imħallef Aaron Bugeja kkonkluda l-indirizz tiegħu lill-ġurati u għall-ħabta tas-siega u nofs ta’ waranofsinhar daħlu jiddeliberaw il-verdett tagħhom.
Il-prosekuzzjoni f’dan il-ġuri tmexxiet mill-Avukati Francesa Spiteri u Anthony Vella mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali waqt li l-Avukat Simon Micallef Stafrace deher għall-akkużat.