Il-ġurati fil-ġuri ta’ Bojan Cmelik mixli bil-qtil tal-imprenditur Hugo Chetcuti daħlu jiddeliberaw biex jagħtu l-verdett tagħhom.
Qabel daħlu biex jiddeliberaw, l-Imħallef Aaron Bugeja indirizza lill-ġurati.
L-Imħallef qal li t-tobba li telgħu jixhdu ma kinux esperti tal-Qorti iżda xhieda kwalunkwe u ma jistgħux jagħtu opinjoni.
“Jekk dawn taw opinjoni, intom bħala ġurati għandkom tiskartawha”, saħaq l-Imħallef fl-indirizz tiegħu.
Il-kwistjoni fil-ġuri qed iddur fuq l-argumenti tad-Difiża u l-Prosekuzzjoni, b’tal-ewwel tgħid li Chetcuti miet b’infezzjoni fid-demm u tort tat-tobba u l-Prosekuzzjoni qed tisħaq fuq id-daqqiet ta’ sikkina li qed jingħad li Cmelik ta f’temp ta’ sekonda lil Chetcuti barra stabbiliment tal-imprenditur.