Il-Big Friends Guggen Musik ser tieħu sehem fil-festa tal-Kuluri li ser tittella’ għall-ewwel darba f’Capo D’Orlando fi Sqallija bejn nhar il-Ġimgħa 14 sa 18 ta Settembru. Għal din il-festa ġew mistiedna l-pajjiżi Mediterranji, fosthom Malta. Wara din il-parteċipazzjoni, il-banda ser idoqq fin-Notte Bianca fejn ser tagħti spettaklu innovattiv.
Għall-Big Friends Guggen Musik din hi it-tielet safra minn meta bdew iċ-ċelebrazzjonijiet li jfakkru l-10 sena mit-twaqqif tagħha. Iċ-ċelebrazzjonijiet bdew f’Novembru li għadda. Kemm ilha li twaqqfet il-Big Friends Guggen Musik ħadet sehem għal ħames darbiet fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-Indipendenza tal-Emerati Għarab Maqgħuda f’Dubai fl-2008, 2009, 2010, 2016 u 2017.
Fi Frar li għadda il-banda kienet mistiedna tiftaħ uffiċjalment il-karnival ta’ Aċireale fi Sqallija. Dan wara li fl-2017 kienet mistiedna għall-karnival tal-fjuri fl-istess lokalità. Il-banda ħadet sehem ukoll f’attivatijiet fil-Greċja (2009) u t-Tunesija (2014 u 2015)
Matul din is-sena il-Big Friends Guggen Musik ser tkun irrappreżentat lil pajjiżna tliet darbiet, li għal għaqda mużikali lokali hu xi ħaġa mhux tas-soltu.
Il-banda din is-sena ħadet sehem f’ħafna attivitajiet speċjali, fosthom il-karnival f’Malta u Għawdex u l-karnival tas-sajf fil-Mellieħa u San Pawl il-Baħar. Dan is-sajf ukoll il-Big Friends Guggen Musik Ghamlet fis-Summer Guggen Concert – Get Marching ġewwa Birżebbuġa li għalih il-pubbliku attenda bi ħġaru. F’dan il-kunċert il-mużiċisti ħarġu t-talenti tagħhom. Mal-banda ngħaqdu wkoll żeffiena kif ukoll grupp ta’ żgħażagħ ta’ etajiet varji li kkumpanjaw il-banda waqt ċerti siltiet mużikali. Fil-kunċert kien involut il-pubbliku inġenerali li ngħata ċans li jżomm rittmu mal-istess banda.
Il-Big Friends Guggen Musik għal dan żanznet uniformi ġdida kif ukoll mal-mużika żiedet effetti bin-nar u l-karti.
Il-Big Friends Guggen Band, kienet taħt id-direzzjoni tas-Surmast Ian Sammut din is-sena qed tiċċelebra l-10 anniversarju mit-twaqqif tagħha bi preżenza massiċċa tal-banda f’attivitajiet mużikali f’Malta u barra minn xtutna. Din il-preżenza hi xhieda ta’ kemm din il-banda avvanzat f’dawn l-aħħar 10 snin.