Żmien il-Milied huwa bħal ġenna tal-art għat-tfal.
Ta’ kull sena jkunu qegħdin jistennew li bejn l-24 u l-25 ta’ Diċembru, Santa Klaws iżur il-kamra tagħhom u jħallilhom dak ir-rigal tal-Milied li jkunu ħadmu għalih b’imġieba tajba.
Fost l-iktar rigali popolari għat-tfal bħal dejjem jispikkaw il-ġugarelli.
Żorna ħanut tal-ġugarelli f’Ħal Qormi, fejn sid il-ħanut Ray Mamo qalilna liema kienu l-aktar ġugarelli popolari għal dan il-Milied. Huwa stqarr: “Dis-sena l-iktar toys li ntgħoġbu huma dawk l-education toys. Ibiegħu ħafna u anki toys li kien hawn films b’characters fuqhom imma l-education toys imxew ħafna.”
Mamo spjegalna li l-biċċa il-kbira ta’ dawn it-tip ta’ ġugarelli jinxtraw mill-ġenituri għal tfal taħt it-tliet snin. Wara din l-età tibda dieħla iktar l-għażla mit-tifel jew tifla għal x’tip ta’ rigal li jkunu jridu.
Semma li fost dawn hemm karozzi, bżieżaq, mudelli u oġġetti oħra.
Mamo aċċenna li l-ġugarelli li jbiegħ ikunu ħbieb tal-ambjent. Huwa sostna: “Toys kemm jista’ jkun li jintirtu u plus minn hekk balloons li nġibu aħna huma 100% rubber li titfagħhom il-baħar u tista’ tikolhom ħuta. Jekk tħalliha ġol ħamrija ssir trab għax 100% rubber importanti.”
Sid il-ħanut kompla jispjega li din is-sena l-bejgħ kien aħjar mis-sena l-oħra. Huwa temm jgħid: “Kull sena telgħin tarġa. Qed jibqalna ftit iktar flus f’idejna u kull sena qed inħossna tilgħin tarġa. Dis-sena aħjar mis-sena l-oħra, ta’ qabel aħjar minn ta’ qabel u kull sena tilgħin tarġa.”
Intant is-Sur Mamo ħallejnieh jistiva l-aħħar ftit ġugarelli għal dawk it-tfal li żgur ma jridux lil Santa Klaws iġibilhom faħma sewda iżda rigal sabih għal dan iż-żmien ta’ ferħ.