Il-Grupp Universitarji Għawdxin laqa’ l-aħbar tal-Park & Ride li se jopera bejn il-Heliport tax-Xewkija lejn il-Port tal-Imġarr.
Fi stqarrija l-GUG qal kif studenti li jaqsmu ta’ kuljum lejn Malta jistgħu jipparkjaw il-vettura tagħhom fl-inħawi tal-Heliport u jaqsmu lejn Malta mingħajr il-ħsieb li mhumiex se jsibu post fejn iħallu l-karozza tagħhom.
Dan is-servizz tħabbar aktar mill-Ministru għal Għawdex Clint Camilleri u se jkun offrut kuljum inkluż fi tmiem il-ġimgħa u btajjel pubbliċi mill-5:00am sad-9:00pm.
Mill-5:00am sat-8:00am u mit-3:00pm sas-6:00pm is-servizz se jkun kull għaxar minuti filwaqt li fil-bqija tal-ħinijiet se jkun kull tletin minuta. Il-Park & Ride se jkun mingħajr ħlas għal kulħadd u se jintużaw karozzi tal-linja elettriċi.
Aktar kmieni din is-sena waqt laqgħa li l-GUG kellu mal-Ministru għal Għawdex, tkellmu mal-Ministru dwar l-importanza li jsir dan il-Park & Ride. Qal kif jemmnu li dan is-servizz se jkun pass ieħor ‘il quddiem biex jiffaċilità l-ħajja tal-istudent Għawdxi.