Wara li saru xogħlijiet f’żona abbandunata, residenti Gudjani se jkunu jistgħu jgawdu minn spazju miftuħ fi Ġnien iż-Żgħażagħ.
Il-ġnien ingħata ħajja ġdida b’xogħlijiet ta’ riġenerazzjoni li saru permezz ta’ materjali sostenibbli. Barra minn hekk, dan il-ġnien jassigura aċċessibbiltà għall-viżitaturi kollha.
Ta’ min isemmi kif 3,000 persuna fil-Gudja jgħixu viċin dan l-ispazju miftuħ u li għalih jistgħu jaslu bil-mixi f’anqas minn għaxar minuti.
Ix-xogħlijiet f’din iż-żona kienu jinkludu l-installazzjoni ta’ bankijiet tal-pikniks magħmulin minn materjal sostenibbli, anke għal persuni li jagħmlu użu minn siġġu tar-roti, u ċnut għolja tal-injam, sabiex din iż-żona saret aktar sikura.
Fl-istess waqt, sar xogħol fil-passaġġ fejn intuża geogrid biex jistabbilizza l-ħamrija u b’hekk jipprovdi passaġġ aċċessibbli filwaqt li jżomm l-elementi naturali tal-art.
Il-Ministru responsabbli mill-Ambjent, Miriam Dalli, qalet li Ġnien iż-Żgħażagħ huwa proġett ieħor li juri l-impenn tal-Gvern favur il-ħolqien u fir-riġenerazzjoni ta’ spazji miftuħa qrib id-djar tar-residenti.
“Hawnhekk kienet żona mitluqa u rnexxielna nibdluha fi ġnien li jiena konvinta li, għall-komunità tal-Gudja u r-residenti tal-madwar, se jkunu jistgħu jgawdu b’mod ħafna u ħafna aħjar. Se nibqgħu għaddejjin b’dan il-pass għaliex f’dawn l-elf metru kwadru jfisser li, mill-bidu tas-sena ’l hawn ftaħna 40 elf metru kwadru ta’ spazji miftuħa, u qed inkomplu nżidu aktar siġar.”
Ministru Miriam Dalli
Ġnien iż-Żgħażagħ huwa wieħed minn diversi proġetti li ġew konklużi matul din is-sena fosthom il-picnic area f’San Klement f’Ħaż-Żabbar, ir-riġenerazzjoni tad-Dog Park f’Ta’ Qali, l-ewwel Green Open Campus f’Milbrae Grove fil-Mosta, u t-tlestija tal-ewwel fażi ta’ Ġnien San Filippu fil-Furjana.
Preżenti għall-ftuħ kien hemm ukoll il-Kap Eżekuttiv ta’ Project Green, Steve Ellul, kif ukoll is-Sindku tal-Gudja, Marija Sara Vella Gafà, u membri tal-Kunsill Lokali.