Il-Kumitat tal-Assoċjazzjoni għall-Imħallfin u l-Maġistrati esprima t-tħassib tiegħu li fuq il-midja u l-midja soċjali qed ikun hemm kritika inġusta ta’ deċiżjonijiet tal-Qrati u anke personali.
Fi stqarrija, il-Kumitat qal li f’laqgħa mal-Presdient ta’ Malta f’San Anton, stqarr li waqt li jemmen li kull deċiżjoni għandha tkun soġġetta għall-iskrutinju u kritika tal-pubbliku, min-naħa l-oħra esprima t-tħassib bi kritika min-nies li m’għandhomx għarfien tekniku ta’ dak li jkun deċiż.
Għalhekk qal li ntalbet l-għajnuna tal-President biex tissensibilizza din il-problema b’kampanja edukattiva.
Il-kumitat stqarr ukoll li għandha tkun il-Presidenza li sservi ta’ intermedjarju biex tittrasmetti l-ilmenti u t-tħassib tagħha lill-fergħat l-oħra tal-istat. Dan biex ma tiġix kompromessa l-integrità tal-ġudikatura.
Il-Kumitat appella wkoll biex jibda jitħaddem mekkaniżmu biex deċiżjonijiet Kostituzzjonali li jkunu jiddikjaraw liġi li tkun qed tikser il-Kostituzzjoni jiġu riflessi fil-liġi.
Dwar il-metodu tal-ħatra tal-ġudikatura, il-Kumitat saħaq mal-President li l-awtoritajiet jassiguraw li jsiru l-arranġamenti biex il-maġistrati ma jibqgħux jitqiesu inferjuri għall-imħallfin, fost oħrajn, fejn jidħol protokoll.
Saret ukoll proposta biex il-President tiltaqa’ mal-Imħallfin irtirati u mal-Kamra tal-Avukati.
B’reazzjoni għall-osservazzjonijiet tal-President, il-Kumitat tal-ġudikanti qabel ma’ kampanja edukattiva fost in-nies dwar kif jaħdmu l-Qrati biex jimla’ l-vojt edukattiv li jeżisti fil-mument.
Intqal li għandu jkun hemm ukoll żjarar frekwenti kemm minn skejjel fil-Qrati kif ukoll fi skejjel.
Il-Kumitat laqa’ l-istedina li jkun hemm laqgħat oħrajn mal-President kif kien isir qabel peress li dawn kienu ta’ siwi biex setgħu fost oħrajn jsiru tibdiliet għall-aħjar fost oħrajn fil-kundizzjonijiet tal-Ġudikatura.