F’ittra iebsa, l-assoċjazzjoni tal-ġudikanti Maltin ġabu fix-xejn l-artiklu ta’ Ivan Camilleri ta’ The Times dwar żewġ avukati Thomas Sant u Yanica Barbara.
Dwar dawn it-tnejn, it-Times sostniet li huma se jingħataw il-warrant ta’ avukat wara li għaddew mill-eżamijiet neċċessarji iżda fil-passat kienu weħlu sentenza sospiża fuq reat kriminali.
Madankollu, f’dikjarazzjoni rari u bi kliem meqjus, l-assoċjazzjoni tal-Imħallfin u l-Maġistrati ħasset li tiċċara punti skoretti u giddbet l-artiklu tat-Times.
Bi kliem iswed fuq l-abjad, l-assoċjazzjoni tal-ġudikanti spjegat li fil-verità iż-żewġ avukati ngħataw il-libertà kundizzjonata u mhux sentenza sospiża.
Il-ġudikanti ħassew li anki jiċċaraw punt ieħor żbaljat li kiteb dwaru Ivan Camilleri tat-Times dwar il-kondotta taż-żewġ żgħażagħ.
Hawnhekk l-assoċjazzjoni tal-ġudikanti qalet li ż-żewġ avukati li qagħdu għall-eżami tal-warrant quddiem iż-żewġ imħallfin kellhom kondotta nadifa.
Fuq dan kompla jisħaq l-avukat taż-żewġ żgħażagħ John Bonello:
Huwa minnu li dawn kienu ngħataw conditional discharge, issa jekk wieħed iqis il-liġi tal-probation li taħtha tingħata l-conditional discharge tinduna li conditional discharge m’hijiex ostaklu biex tingħata warrant. Issa jkun hawn min jgħidlek illi dawn għandhom ikunu ta’ kondotta tajba. U hawnhekk ħa niġi wkoll għal kondotta tajba. Il-kondotta hija regolata mil-liġi taċ-ċertifikati tal-kondotta, sewwa? Il-liġi taċ-ċertifikati tal-kondotta tgħidlek li min mhux biss ingħata conditional discharge imma kwalunkwe deċiżjoni taħt il-liġi tal-probation inkluż conditional discharge, dik ma taffetwalux il-kondotta.
Dr. Bonello żied jgħid li r-rapport skorett tat-Times m’għandux iċaħħad lil dawn iż-żgħażagħ jiksbu dak li hu bi dritt tagħhom.
Ikun tassew ħasra jekk minħabba l-għagħ li tqajmet skorettament, dawn iż-żewġ avukati jiġu mċaħħdin mid-dritt li jaħdmu.