Kull membru tal-ġudikatura f’pajjiżna se jibda jirċievi rapport ’b’informazzjoni dettaljata rigward il-każijiet li għandu fil-qrati differenti li fihom iservi. Żvelat dan it-Torċa li qalet li dan se jsir bl-iskop li kull ġudikant jinżamm iktar kontabbli, b’attenzjoni partikolari se tibda tingħata lil każijiet pendenti.
Intqal li t-tagħrif se jkun aġġornat kull xahrejn u se jinkludi informazzjoni relatata ma’ l-istadju tal-proċedura biex hekk l-ġudikatura tkun tista’ tevalwa hi stess il-ħidma tagħha u tilħaq l-għan tagħha li ttejjeb is-sistema tal-ġustizzja.
Kien irrapportat li l-Ministeru għall-ġustizzja diġa’ beda eżerċizzju twil u ffukat sabiex isir audit tal-informazzjoni, partikolarment bil-għan li jitjieb il-proċess li bih tinġabar din l-istess informazzjoni.
L-ewwel stadju f’dan il-proċess huwa propju li wieħed jifhem it-tajjeb u l-ħażin tas-sistema preżenti, biex b’hekk issaħħaħ fejn huwa tajjeb u tindirizza l-aspetti tas-sistema li għal xi raġuni jew oħra, mhux qed jilħqu l-aspettativi mixtieqa. “Dan huwa xogħol li qiegħed isir bħalissa u li ser iwassal sabiex finalment isiru rakkomandazzjonijiet dwar kif għandha titjieb is-sistema,” kien ikkwotat jgħid il-Ministru għall-Ġustizzja Owen Bonnici.
Dan l-audit ser jiffoka ukoll fuq informazzjoni oħra, li forsi s’issa kienet għadha mhux qed tinġabar, bil-għan li jitjiebu l-istrutturi tal-informazzjoni u jibdew jindirizzaw żviluppi li qed iseħħu kemm fis-sistema ġudizjarja lokali, kif ukoll f’dak li jiġi mitlub minn entitajiet internazzjonali.
F’dan is-settur diġa’ saru bidliet li waslu biex qed titjieb l-effiċenza tal-qrati, bin-numru ta’ każijiet pendenti qed jonqsu. Ir-rata ta’ ħeffa li biha jinqatgħu l-kawżi u koll tjiebet.