“Il-Gvern qed jara u jaħdem biex it-turisti jibqgħu jżuru l-gżira Għawdxija, anke fix-xhur xitwin u mhux fis-sajf biss.”
Kliem Joe Muscat, il-Kap Eżekuttiv tal-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu, il-GTA, b’reazzjoni għat-tħabbir tal-iskema finanzjarja għal dawk it-turisti li jagħżlu li jqattgħu btala f’Għawdex u jdumu mill-inqas għaxart iljieli bejn il-15 t’Ottubru u l-15 ta’ Marzu li ġejjin.
Dawn it-turisti se jkunu qed jirċievu roħs ta’ 30 fil-mija mill-booking sa massimu ta’ €300.
Joe Muscat innota kif din il-miżura, waħda mill-proposti tagħhom li l-Gvern laqa’ fil-baġit għal din is-sena, se tara li tnaqqas jew tneħħi l-problema tal-istaġjonalità f’din il-gżira pittoreska.
Qal, “Nemmnu li din hija skema se tindirizza l-element tal-istaġjonalità. Sar ħafna xogħol biex Għawdex jiġi stabbilit bħala destinazzjoni turistika s-sena kollha. Però l-istaġjonalità tibqa’ bħala ostaklu għal destinazzjoni bħal Għawdex, li hija gżira fi gżira.”
Muscat tenna kif din l-iskema mistennija tagħti l-opportunita lit-turist ħalli jesperjenza lil gżiritna għal aktar minn għaxart ijiem.
Qal, Il-miri ta’ din l-iskema huma li nżidu n-numru ta’ turisti barranin matul ix-xhur tax-xitwa kif ukoll it-tul ta’ żmien medju li t-turist jagħmlu fostna. Allura permezz ta’ din l-iskema aħna nemmnu li jekk it-turist joqgħod fostna għaxart t’ijiem jew aktar, inżidu dan. Hija opportunità wkoll biex Għawdex ikun promoss.
Fl-istess kumment, il-Kap Eżekuttiv tal-GTA għamel referenza għall-andament turistiku bħalissa f’Għawdex, fejn kollox jindika li din is-sena se jintlaħqu n-numru li ġew irreġistrat fl-2019.
Qal, “Qed nantiċipaw ukoll li dan l-istaġun tas-sajf jilħaq il-figuri ta’ qabel il-pandemija tal-2019. Staġun li qed inħarsu lejh b’ottimiżmu li Għawdex bħala destinazzjoni u anke s-settur turistiku huma ppreparati biex jibqgħu jilqgħu l-eluf ta’ turisti li jiġu jżuruna.”