L-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu laqgħet l-impenn tal-Gvern li jibda servizz tal-ajru bejn Malta u Għawdex.
Il-GTA faħħret il-pjan li ħabbar il-Prim Ministru Robert Abela s-Sibt filgħaxija f’Għajnsielem biex tkompli titjieb il-konnettività bejn iż-żewġ gżejjer.
L-Assoċjazzjoni nnutat b’mod pożittiv il-wegħda tal-Prim Ministru, li biex jingħata s-servizz tal-ajru, mhu se tittieħed l-ebda art agrikola.
Fissru dan il-pjan tal-Gvern bħala katalista għall-ħolqien ta’ niċeċ u attivitajiet ekonomiċi.
Il-GTA laqgħet ukoll il-pjan tal-Gvern li r-raba’ vapur tal-Gozo Channel ikun iktar ħabib tal-ambjent u jarmi inqas emmissjonijiet.
L-Assoċjazzjoni sostniet li dawn huma kollha passi lejn konnettività iktar b’saħħitha bejn il-gżejjer Maltin, li se jservu wkoll biex isaħħu l-moviment tat-turiżmu lejn il-gżira tat-tliet għoljiet.
L-Assoċjazzjoni tenniet li tinsab sodisfatta li waħda mill-proposti tagħha għall-konnettività se ssir realtà.