Il-grupp X-Tend, li bil-mużika tiegħu ddeverta lil eluf ta’ Maltin u barranin f’għadd ta’ ġenerazzjonijiet differenti, se jkun qed jiċċelebra l-erbgħin sena mill-ħolqien tiegħu dan ix-xahar, bil-pubblikazzjoni ta’ album anke f’edizzjoni limitata ta’ kollezzjoni ta’ wħud mill-aqwa suċċessi li kellu f’dan it-tul ta’ żmien.
L-album, li se joħroġ fl-aħħar ta’ dan ix-xahar anke f’verżjoni speċjali u limitata għall-kollezzjonisti, se jkun it-tlettax-il wieħed fl-istorja tal-X-Tend, li tara l-bidu tagħha lura għall-1984.
L-X-Tend ħadu isimhom proprju minn ħanut tal-ironmongery f’Tas-Sliema viċin fejn kienu bdew idoqqu, u kienet ħolma oħra żagħżugħa … ta’ grupp ta’ ħbieb li, bħal ħafna oħrajn, sempliċiment riedu li jieħdu gost jagħmlu l-mużika li jħobbu.
Minkejja dan, qajla kien jiġihom f’moħħhom dak iż-żmien li kienu se jkunu għadhom għaddejjin erba’ diċenji wara, kif qalilna wieħed mill-fundaturi tal-band.
“Ma naħsibx li kont daqshekk ċert li se jiġri xi ħaġa. Li naf ċert, imma, li konna qed nieħdu pjaċir u kull darba nħares ’il quddiem li nerġgħu niltaqgħu biex nagħmlu naqra ħoss bejnietna. Anke fir-rehearsals konna nieħdu pjaċir, aħseb u ara kif ġejna llum.”
“Kellna post il-Balluta dak iż-żmien fejn konna nitħarrġu u darba kellna bżonn nagħmlu recording. U kemm Eric (Calleja) kif ukoll Chris (Cassar, wieħed mill-fundaturi) kellhom ħabib komuni, li kien Vince Fabri. U kien laqqagħna ma’ Charlie Dalli biex nirrekordjaw għandu. U minn dakinhar beda proprju l-grupp X-Tend.”
Miegħu kompla wkoll Eric Calleja, li ddeskriva l-bidu tal-popolarità tal-band, bl-ewwel single tagħhom ‘I Can Feel’, sempliċiment bħala wieħed maġiku – minn dehriet u kunċerti żgħar lokalment għas-suċċess f’festival fl-Italja, li fetħilhom orizzonti ferm akbar.
“Il-bidu kien qisu maġija, għax l-affarijiet kif bdew ġejjin … iltqajna ma’ Charlie, Charlie qalilna ‘isma’ rċevejna nvit biex nitilgħu San Remo biex nieħdu sehem f’festival’. Tlajna dan il-festival, irbaħnih, ġejna Malta, f’daqqa waħda splodejna. Ġew tal-gazzetti, tat-TV, kulħadd iridna fuq il-programm tiegħu biex nidhru fuqu u minn hemm bla nifs, rankatura waħda. Mela la issa, kif ġew l-affarijiet, għedna nagħmlu single, imbagħad nagħmlu album, it-tieni album … iż-żmien għaddej u għaddew 40 sena u issa se jkollna t-13-il album dalwaqt, fil-25 ta’ Settembru.”
Għal dawk li wkoll kibru mal-mużika tal-X-Tend f’pajjiżna, diski minn ‘I Can Feel’, ‘Midnight Sun’ u ‘Boys Of Tomorrow’ għadhom ifakkruhom sew f’dawk iż-żminijiet tat-tmeninijiet.
Dwar is-sodisfazzjon f’dan il-vjaġġ twil, li wkoll ħadhom f’diversi pajjiżi, fost l-oħrajn, fil-Ġermanja u tour fl-Awstralja, kellimna l-kantant ewlieni Charles Dalli.
“Mill-erbgħa u tmenin s’issa, bqajna għaddejjin. U meta tara udjenzi quddiemna jkunu qed jieħdu gost, ikun il-gost tagħna wkoll. Għax li qed tara l-udjenzi tiegħek qed jieħdu pjaċir jisimgħuk u jkomplu miegħek, dik l-akbar suċċess, hux vera?”
Il-kollezzjoni ta’ suċċessi bil-lingwa Ingliża fl-album il-ġdid, li ngħata l-isem ta’ ‘X-Tend 1984-2024’, se tkun għall-bejgħ aktar tard dan ix-xahar mill-ħwienet ewlenin.
U dan anke fil-format vinyl, li llum reġa’ kiseb popolarità kbira bħalma kellu fit-tmeninijiet meta din il-band lokali ġiet ifformata dak iż-żmien minn grupp ta’ żgħażagħ.
Bi ftit umoriżmu, it-tliet membri wkoll itennu li għadhom iħossuhom l-istess … almenu fl-ispirtu.
“Fil-bidu ta’ din l-intervista bdejt issemmi l-kelma żgħażagħ, tista’ tibqa’ ssemmiha please?!”
U waqt li ħafna mis-suċċessi tal-X-Tend jibqgħu dejjiema, mhux l-inqas dawk tal-Milied tagħhom, l-avventura tagħhom tissokta. U, wara l-album il-ġdid li se joħorġu, diġà hemm il-ħsieb għal kollezzjoni oħra ta’ suċċessi, din id-darba bl-ilsien Malti.