Laqgħa tal-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista li saret nhar il-Ħamis damet sa kważi nofs il-lejl, hekk kif mozzjoni mħabbra mill-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech ma sabitx l-appoġġ meħtieġ.
Il-kritika lejn il-Kap kienet fuq diversi fronti u l-laqgħa aġġornat bil-kwistjoni mdendla.
Kollox idur mal-mozzjoni li Bernard Grech ħabbar fil-konfront tad-deputat Rosianne Cutajar wara rapport tal-Awditur Ġenerali.
Filwaqt li fil-grupp parlamentari tal-Partit Nazzjonalista ma kienx hemm xi aptit li jaqbżu għal Cutajar, ir-rabja għal mod kif Bernard Grech aġixxa mingħajr konsultazzjoni kienet kbira.
Fil-fatt irrapportaw dwar dan ukoll il-gazzetti Maltatoday u Illum fil-ħarġa tal-Ħadd. Kien spjegat kif deputati fil-grupp qalu li llum Cutajar m’għandiex tkun il-mira tal-Partit Nazzjonalista, anke għax dwar dan diġa’ kienu ttieħdu passi ċari mill-Prim Ministru.
Oħrajn tkellmu dwar kif il-kap ippreġudika l-pożizzjoni tagħhom bħala ħaddiema b’impjieg fis-servizz pubbliku, għaliex bil-mozzjoni se jkompli jitfa’ fuqhom il-lenti.
Irreferew ukoll għall-kummenti tal-Prim Ministru Robert Abela li kien ċar li kull min hu fis-servizz u s-settur pubbliku jrid jagħti l-ġurnata tax-xogħol tiegħu, u tennew li ma kienux jippretendu li se jkun Bernard Grech li jkompli jżid il-pressjoni fuqhom b’nuqqas ta’ xamma politika.
Għalkemm oħrajn sostnew li kollox inqala għaliex il-Kap waqa għax-xamma politika tal-fazzjoni bl-iktar esperjenza fil-Partit Nazzjonalista, tant li l-Illum tirrapporta u tgħid li l-ikbar rabja ġejja minn David Agius, id-deputat Nazzjonalista, impjegat mal-Malta Freeport Corporation, li huwa wkoll kandidat għall-Parlament Ewropew.
L-Illum qalet li “Canvassers ta’ Agius qalu li hu jimmaġina li din il-mozzjoni qed tiġi xprunata minn David Casa, id-deputat veteran tal-PN fil-Parlament Ewropew. Skont in- nies ta’ Agius, Casa qed jarah bħala theddida u qed jibża’ li din id-darba ma jitlax.” Anke l-Maltatoday tkellmet dwar din il-manuvra.
Hu x’inhu l-mossa ta’ Bernard Grech xejn ma niżlet tajjeb u lanqas laqgħa li damet sigħat m’għalqitha, bir-rabja għal Bernard Grech hija kbira fejn kompla jitlef mill-ftit fiduċja li għandu minn nies ta’ madwaru.