Il-Grupp Parlamentari tal-Partit Laburista esprima solidarjetà sħiħa mad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Parlament Chris Fearne. Dan wara laqgħa tal-Grupp Parlamentari, li saret aktar kmieni llum.
Fi stqarrija mill-Partit Laburista ntqal li l-Grupp Parlamentari qatt ma kellu l-iċken dubju fuq l-integrità u s-serjetà ta’ Chris Fearne, li dejjem aġixxa fl-aqwa interess tal-poplu Malti u Għawdxi.
Il-Grupp Parlamentari kkundanna bla riżervi dan l-attakk, u jisħaq li l-pass li jmiss hu li ssir ġustizzja sħiħa ma’ Mr Fearne, permezz tal-investigazzjonijiet meħtieġa biex min għandu jwieġeb għal dawn l-istejjer foloz, jagħmel dan mill-iktar fis.
Intqal li għandha ssir ġustizzja wkoll mal-poplu Malti biex jekk, kif ġie allegat, din il-kampanja ġiet iffinanzjati minn fondi allokati għall-konċessjoni tal-isptarijiet, dawn jiġu rkuprati mill-Gvern b’żieda mat-talbiet li diġà hemm pendenti kontra Steward Healthcare.
Din l-istqarrija temmet tgħid li l-Grupp Parlamentari jtenni l-fiduċja sħiħa f’Chris Fearne.