Il-kandidat għat-tmexxija tal-Partit Laburista Robert Abela qal li għandu fiduċja sħiħa fit-tesserati li jagħmlu l-aħjar għażla fl-interess tal-partit u tal-pajjiż. Sostna li ma jemminx fil-biża’ jew it-theddid, iżda li kulħadd jagħżel f’libertà assoluta. Fiż-Żurrieq, ħabbar kif il-Grupp Parlamentari kollu lest jiġbed ħabel wieħed miegħu jekk jintagħżel bħala Mexxej u Prim Ministru.
Dr Abela stqarr: “Il-kuraġġ li mbuttani ‘l quddiem kien ġej ħafna minnu mill-Grupp Parlamentari b’saħħtu li jiena tkellimt ma’ kull wieħed u waħda minnhom. saqsejthom: Minn nhar il-ħadd li ġej, intom lesti li niġbdu ħabel wieħed u naħdmu flimkien? U r-risposta ta’ kull wieħed u waħda minnhom kienet iva.”
Is-Segretarju Parlamentari Julia Farrugia Portelli indirizzat lil dawk preżenti u qalet li bħala deputat ma tħossx li għandha tinfluwenza lit-tesserati lil min jivvutaw.
Robert Abela qal li bħala Prim Ministru se jaċċerta li jkun il-Gvern li jiggverna, u ma jħalli lil ħadd ifixklu milli jwettaq il-mandat u l-manifest elettorali. Qal li hu kien il-kandidat oriġinali tal-kontinwità mill-bidu għax ġenwinament iħoss li t-tajjeb li tant hemm fil-Partit m’għandux jinħatt. Qal li jinħtieġu bosta bidliet u riformi, b’aċċenn għax-xandir pubbliku, iżda dan isir mingħajr ma titneħħa r-riċetta li tatna tant rebħiet elettorali.