Il-grupp militanti Lebaniż Hezbollah dalgħodu qal li kienu se jiskattaw fażi ġdida u aktar intensa fil-gwerra tagħhom kontra Iżrael filwaqt li l-Iran qed jgħid li l-ispirtu tar-reżistenza se jissaħħaħ wara l-qtil tal-mexxej tal-Hamas Yahya Sinwar.
Sinwar, li kien il-moħħ wara l-attakk tas-7 t’Ottubru 2023 li ta bidu għall-gwerra ta’ Gaza, inqatel waqt operazzjoni minn suldati Iżraeljani nhar l-Erbgħa f’dak li qed jitqies bħala punt kruċjali f’dan il-kunflitt li ilu għaddej aktar minn sena.
Mexxejja tal-Punent qalu li l-mewt ta’ Sinwar kienet toffri opportunità sabiex jintemm il-kunflitt, iżda l-Prim Ministru Benjamin Netanyahu qal li l-gwerra tibqa’ għaddejja sakemm jiġu rritornati l-ostaġġi kolllha maqbuda mill-militanti tal-Hamas.