Il-grupp rock Måneskin rebaħ il-71 edizzjoni tal-festival ta’ Sanremo fl-Italja.
Il-grupp li ħa l-fama wara li ngħaqad bis-saħħa ta’ X Factor fl-Italja, rebaħ il-festival prestiġjuż imxandar fuq l-istazzjon RAI, bil-kanzunetta ‘Zitti e buoni’.
Il-grupp Måneskin rebaħ il-festival ippreżentat minn Amadeus, bil-għajnuna ta’ Fiorello u personalitajiet oħrajn, b’mod sorpriż hekk kif sas-serata finali qatt ma kien minn ta’ quddiem fil-klassifika.
Il-grupp spiċċa tela’ fl-ewwel post permezz ta’ vot b’saħħtu mill-pubbliku.
Fil-votazzjoni vvutaw il-membri tal-orkestra fit-Teatru Ariston u anki ġurija esperta fil-mużika.
Francesca Michielin u Fedez ġew fit-tieni post bil-kanzunetta ‘Chiamami per nome’ u l-favorit li jirbaħ il-festival, Ermal Meta kellu jikkuntenta bit-tielet post wara li kanta ‘Un milione di cose da dirti’.
Jekk il-grupp Måneskin hux se jaċċetta li jirrappreżenta lill-Italja jew le fil-Eurovision Song Contest li ġej isir magħruf f’konferenza tal-aħbarijiet li se ssir dalgħodu fil-ħdax u nofs.
Għal kuntrarju tas-snin l-imgħoddija, din il-konferenza stampa qed issir sigħat wara li jintemm il-festival ta’ Sanremo, li bħas-soltu dam għaddej sas-sigħat bikrin tal-Ħadd.
https://www.youtube.com/watch?v=1OISmX4vOKA