ERBA’, il-grupp ta’ tfajliet magħmul minn Kelsey, Maria, Anthea u Demi, proprju fil-Jum Internazzjonali tal-Mara, jippubblika l-kanzunetta debuttanti tiegħu, bl-isem ta’ ‘Sirena’.
Waqt li ngħaqdu waqt il-Malta Music Exchange Camp, organizzat mill-Public Broadcasting Services, ERBA’ bdew il-vjaġġ tagħhom permezz ta’ kollaborazzjoni m’uħud mill-aqwa kittieba u produtturi tal-mużika, bħal Audun Agnar Guldbrandsen, Tom Hugo, magħruf mal-grupp KeiiNO, u Alexander Nyborg Olsson.
‘Sirena’, miktuba mill-grupp innifsu u Maria Cachia Abdilla, kienet waħda mill-kanzunetti fl-avventura tal-Malta Eurovision Song Contest fejn spiċċat ikklassifikata fir-raba’ post kemm mill-pubbliku kif ukoll mill-ġurija professjonali.
Il-ħoss Mediterranju tal-kanzunetta jiċċelebra l-istaġun sajfi Malti, iżda l-lirika tagħha titkellem dwar ir-reżiljenza tal-mara, is-sirena li l-isterjotip tagħha hu li tattira lis-sess oppost.
Bħala parti mill-parteċipazzjoni tagħhom fil-Malta Eurovision Song Contest, ERBA’ kellhom l-opportunità li joħolqu vidjo mużikali fejn l-għażla waqgħet fuq Matthew Muscat Drago u Victor Abela, li ġie ppubblikat b’mod uffiċjali.
Id-dar tad-diski, li qed tippromwovi l-kanzunetta, hi Warner Music Norway.