Il-Kap Eżekuttiv ta’ GO Nikhil Patil fisser l-2022 bħala “sena ta’ sodisfazzjon kbir u fuq livell tas-snin ta’ qabel il-pandemija fejn minkejja l-isfidi makroekonomiċi globali, GO Group kellu waħda mill-aktar snin pożittivi s’issa.”
Għall-ewwel darba fl-istorja tal-Grupp GO, id-dħul konsolidat laħaq il-€214.6 miljun, żieda ta’ 10.8% fuq l-2021 u tkabbir ta’ 11.1% fil-qligħ qabel it-tnaqqis tat-taxxa u l-imgħax, li laħaq il-€81.4 miljun.
GO laħaq dħul ta’ €128.8 miljun, żieda ta’ €11.1 miljun jew 9.4% fuq l-2021. Dan it-tkabbir b’saħħtu fid-dħul ġie miż-żieda sostanzjali ta’ abbonati għat-telefonija fissa u mobbli, livelli ogħla ta’ attività bil-bejgħ internazzjonali u t-twassil ta’ soluzzjonijiet tekniċi.
Il-profitt tal-Grupp GO għas-sena 2022 kien ta’ €12.2 miljun, żieda ta’ €1.7 miljun jew 16.7% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel, żieda li ġiet minn dħul iżjed għoli fejn ma’ kienx hemm bżonn ta’ spiża ta’ akkwist. B’hekk GO baqgħet waħda mill-kumpaniji fuq il-Borża ta’ Malta bl-aktar suċċess f’Malta.