Il-kumpanija Farsons irreġistrat riżultati pożittivi u titjib għall-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena.
Il-Bord tad-Diretturi nnota li minkejja l-miżuri tal-pandemija matul dan il-perjodu il-Gvern ħares il-postijiet tax-xogħol u s-sostenn tal-ekonomija, b’restrizzjonijiet inqas riġidi.
Dan il-fatt flimkien mar-ritorn gradwali tat-turisti fost oħrajn għen mhux ftit it-titjib fil-qagħda finanzjarja ta’ kumpanija ewlenija f’Malta.
Skont riżultati li ppubblika l-grupp għall-ewwel sitt xhur tas-sena ġie rreġistrat dħul ta’ wieħed u erbgħin punt miljun u sitt mitt elf ewro, żieda ta’ tlettax fil-mija meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel.
Dan kien rifless ukoll fil-profitti qabel it-taxxa tal-kumpanija għal dan il-perjodu li kien ta’ ħames miljun u mitejn elf ewro, żieda sostanzjali fuq il-miljun u sitt mitt elf ewro irreġistrat fl-ewwel sitt xhur tas-sena l-oħra.
Bħalissa l-grupp għaddej b’investiment fl-operat tiegħu fosthom f’restawr tal-Birrerija l-Antika bħala parti minn proġett akbar li mistenni jibda jinfetaħ gradwalment mis-sena d-dieħla.
Il-Kap Eżekuttiv tal-grupp, Norman Aquilina saħaq kif issa kemm l-awtoritajiet tas-saħħa pubblika flimkien man-negozji jinsabu f’qagħda aħjar sabiex jilqgħu għall-effetti tal-pandemija, filwaqt li huwa mportanti li kulħadd jibqa’ viġilanti.
Iċ-Chairman ta’ Farsons Louis Farrugia jinsab ottimistist flimkien mal-Bord għall-ġejjeni sakemm is-suq tal-ikel u x-xorb ikompli jirkupra għal-livelli ta’ qabel il-pandemija.