Il-Grupp APS irreġistra profitt ta’ tletin miljun ewro qabel it-taxxa matul is-sena li għaddiet, grazzi wkoll għal strateġija ta’ tkabbir fi trasformazzjoni diġitali li għaddejja.
Il-Grupp, li jħaddan il-bank tal-Knisja, qal li, hekk kif is-suq stabbilixxa aktar, fis-sena finanzjarja li għaddiet, irrapporta profitt ta’ tletin punt żewġ miljun ewro qabel it-taxxa għall-Grupp, li jgħodd għal kważi d-doppju tas-sena ta’ qabel. Dan meta d-dħul nett tiegħu laħħaq it-tlieta u sebgħin punt sitt miljun ewro jew aktar minn tmien miljun ewro iżjed mill-2022.
Min-naħa l-oħra, il-bank innifsu għamel profitt ta’ seba’ u għoxrin punt tmin miljun ewro, miljun punt wieħed miljun ewro inqas mill-2022.
Il-Grupp irreġistra żieda ta’ aktar minn erba’ mitt miljun f’depożiti tal-klijenti tiegħu fuq is-sena ta’ qabel.
Il-bank qal ukoll li l-ispejjeż tal-operat tiegħu s-sena li għaddiet żdiedu b’ħamsa punt sitt miljun ewro, partikolarment minħabba l-ingaġġ ta’ iżjed ħaddiema.
Dan anke jekk ir-ratio bejn l-ispejjeż u d-dħul mill-operazzjonijiet tal-Grupp fl-2023 laħqet għal kważi tnejn u sittin fil-mija, titjib sinifikanti fuq il-ħdax fil-mija li kienet sena qabel.
Dan fisser ukoll li l-assi totali tal-Grupp żdiedu b’aktar minn sbatax fil-mija għal tlieta punt seba’ biljun ewro, b’mod partikolari grazzi għal iżjed self fuq xiri ta’ djar, l-akbar kontributur fid-dħul tiegħu.
Għaldaqstant il-bord tad-diretturi tal-Grupp irrakkomanda l-ħlas gross ta’ dividend ta’ żewġ ċenteżmi punt tnejn għal kull sehem ordinarju.
Dan jibqa’ suġġett għall-approvazzjoni tal-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-MFSA, u tal-istess shareholders fil-laqgħa ġenerali annwali li jmiss.