Number 11, Urban Hotel f’San Ġiljan hija l-ewwel lukanda Maltija li se tkun qed tifforma parti minn din il-kollezzjoni ġdida ta’ lukandi.
Accor, grupp li jmexxi ‘l fuq minn 5,500 lukanda f’aktar minn 110 pajjiż qed jintroduċi d-ditta Handwritten Collection għall-ewwel darba f’Malta u għażel il-lukanda Number 11, Urban Hotel f’San Ġiljan għal dan il-għan.
Permezz ta’ dan il-ftehim, iffirmat bejn Accor u Urban Hotels Malta Ltd, il-lukanda ser tkun qed tifforma parti mill-Handwritten Collection ta’ Accor fi tmiem l-2023.
Id-Direttur tal-Iżvilupp ta’ Accor għall-Italja, il-Greċja, u Malta, Ettore Cavallino qal “Ninsabu entużjasti ħafna b’din is-sħubija ġdida ma’ Urban Hotels Malta Ltd, li permezz tagħha nistgħu nġibu l-Handwritten Collection f’Malta. L-istabbilimenti li jagħmlu parti minn din il-kollezzjoni huma definiti minn personalità unika li tkun tirriflettili b’mod intimu il-karattru tas-sidien tagħhom, biex b’hekk il-klijenti jistgħu igawdu esperjenzi tassew awtentiċi,”
Hu kompla jgħid kif dan il-pass juri biċ-ċar il-fiduċja tal-grupp fl-attrajenza u l-potenzjal ta’ Malta. Qal li l-ġmiel naturali, l-istorja, il-kultura lokali u l-kwalità ta’ l-ospitalità li kapaċi joffri pajjiżna huma kollha fatturi li jiġbdu dejjem aktar turisti .
Temm jgħid li ż-żieda ta’ Number 11, Urban Hotel mal-portafoll ta’ lukandi tal-grupp hija wkoll parti mill-istrateġija ta’ Accor li tkompli tikber b’mod sostenibbli.
Malcolm Azzopardi, General Manager ta’ Urban Hotels Malta Ltd saħaq dan il-ftehim ġdid ma’ Accor bħala pass importanti fil-ħidma tal-grupp li tikseb iżjed eċċellenza.
“Ir-rabta tagħna ma’ grupp ta’ ospitalità globali prestiġjuż bħal Accor u l-fatt li Number 11, Urban Hotel hija parti mill-portafoll dejjem jikber tal-Handwritten Collection huma pass sinifikanti għal Urban Hotels Malta Ltd. Dan kollu jikkonferma l-impenn tagħna li nwasslu esperjenzi eċċezzjonali lill-klijenti tagħna u li nibqgħu noffru servizz bla paragun, karattru distintiv, u l-esperjenza awtentika li taf toffri Malta.”