Bħala parti mill-proċess ta’ rivatilizazzjoni tal-Air Malta l-operat tal-ground handling se jkun qed jitmexxa minn kumpanija separata li se tkun kumpanija tal-Gvern.
Ftehim bil-miktub bejn il-Ministru Konrad Mizzi f’isem il-Gvern ta’ Malta u l-General Workers Union ġie ffirmat illum sabiex l-impjegati kollha rappreżentati mill-GWU li jaħdmu fit-taqsima tal-operat tal-ground handling jiġu assenjati lil kumpanija separata skond it-Trasferiment tar-Regolamenti Kummerċjali SL 452.85. Il-ftehim ġie konkluż wara diversi diskussjonijiet immexxija mill-President Emeritus Dr George Abela, Dr Charles Mangion f’isem l-Air Malta, is-Sur Ronald Mizzi, Segretarju Permanenti u s-Sur Josef Bugeja u s-Sur Sandro Vella f’isem il-GWU.
Is-sezzjonijiet affettwati huma l-operat tal-ground handling, is-sezzjoni tal-Manutenzjoni tal-Apparat u t-taqsima tal-Operazzjonijiet tal-Merkanzija. Il-kumpanija l-ġdida se tipprovdi servizzi lill-Air Malta u lill-linji ta’ ajru oħra.
Il-Ministru Konrad Mizzi qal li dan il-proċess huwa parti mill-proċess ta’ rivitalizzazzjoni ta’ Air Malta. Il-kumpanija l-ġdida se jkollha pjan ta’ negozju ġdid sabiex tiġġenera aktar tkabbir, investiment f’tagħmir ġdid u tiġġenera negozju ġdid. Il-President tal-Air Malta, Dr Charles Mangion qal li issa l-kumpanija tal-ajru tista’ tiffoka aktar fuq in-negozju ewlieni tagħha, jiġifieri dak tal-operat tat-titjiriet.
Matul id-diskussjonijiet ta’ dan il-ftehim, iż-żewġ naħat assiguraw li l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta’ dawk kollha affettwati jiġi salvagwardjati.
Il-Ministru Mizzi semma li l-Gvern flimkien mat-tmexxija tal-Air Malta u l-GWU qed jinnegozjaw ftehimiet kollettivi kemm għall-impjegati tal-Air Malta kif ukoll għal dawk il-ħaddiema ġodda tal-kumpanija l-ġdida tal-operat tal-ground handling, għall-ħames snin li ġejjin.
Is-Segretarju Ġenerali tal-GWU, Josef Bugeja innota b’sodisfazzjon li l-futur tal-impjegati tal-Air Malta u tal-kumpanija l-ġdida, se jiġu salvagwardjati. Huwa enfasizza wkoll dwar l-intenzjoni ta’ aktar investiment kemm fir-riżorsi umani kif ukoll fl-infrastruttura miż-żewġ kumpaniji.