Il-Parlament Ewropew ħabbar kif is-seduta tal-assessjar minn kumitati tiegħu għall-ħatra tan-nominat Malti għal Kummissarju Ewropew, Glenn Micallef, magħruf bħala l-“grilling”, se jsir fl-4 ta’ Novembru li ġej.
Micallef se jkun qed jidher quddiem rappreżentanti tal-Kumitati tal-Parlament Ewropew fl-oqsma tal-kultura u l-edukazzjoni, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, tal-ġustizzja u tal-affarijiet legali.
Micallef ġie assenjat mill-President tal-Kummissjoni Ewropea Ursula von der Leyen bil-portafoll importanti taż-żgħażagħ, il-ġustizzja bejn il-ġenerazzjonijiet, l-isport u l-kultura.
Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali fi ħdan il-Parlament Ewropew ikkonkluda l-proċess ta’ due diligence dwar potenzjali konflitti ta’ interess li jista’ jkollhom in-nominati tal-pajjiżi.
Wara dan, issa l-pass li jmiss hu li kull nominat jgħaddi mill-“grilling” quddiem il-kumitati Parlamentari.
Ironikament, dan il-proċess ta’ diliġenza dwar konflitti ta’ interess qanqal il-fatt li l-unika persuna li fuqha dan ma jistax isir hi proprju l-President tal-Parlament Ewropew, Roberta Metsola, li eżentat lilha nnifisha minn regoli simili. U dan meta, bl-interess ta’ żewġha fl-industrija tal-cruiseliners fejn hu wkoll lobbyist privileġġjat fl-Ewropa, għandha konflitt ċar ta’ interess.