L-implimentazzjoni tal-programm ta’ salvataġġ għall-Greċja propost miż-żona ewro qed jittieħed ’il bogħod wisq fil-miżuri ta’ awsterità li qed ikompli jimponi fuq il-poplu Grieg. Dawn il-miżuri se jkomplu jgħattnu l-ekonomija u l-poplu tal-Greċja. Dan qalu l-Kap tad-Delegazzjoni Laburista fil-Parlament Ewropew fi Strasburgu waqt id-dibattitu dwar in-negozjati dwar il-programm ta’ aġġustamenti għall-Greċja fil-presenza tal-Kummissarju għall-Affarijiet Ekonomiċi Pierre Moscovici.
“It-triq ’il quddiem għall-Greċja hija programm ta’ ħelsien sostanzjali mill-piżijiet tad-djun li l-pajjiż qed ikollu jġorr. Il-biċċa l-kbira ta’ dawk li qed jieħdu dawn id-deċiżjonijiet jemmnu li s-sħubija fiż-żona ewro hija irreversibbli. Għalhekk dawn għandhom jagħmlu tajjeb biex iħarsu din id-dogma,” sostna Alfred Sant,
Dr. Sant qal li l-proċess propost huwa maqtugħ mit-tbatijiet li għaddejjin minnhom miljuni ta’ Griegi. “Huwa minnu li dawk li jissellfu aktar milli jifilħu għandhom iħallsu għall-iżbalji tagħhom. Imma jasal żmien meta trid tinqata’ linja. Għax huwa minnu wkoll li dawk li jsellfu żżejjed għandhom ukoll iħallsu għall-iżbalji tagħhom: din hija l-loġika tas-suq ħieles. Fil-każ tal-Greċja dawk li sellfu żżejjed ħelsuha ħafif. Issa qed niġu mitluba nappoġġjaw politika fejn poplu, li għal snin kien soġġett għal politika ta’ awsterita`, qed jiġi sfurzat jaċċetta l-prospetti li jitgħabba b’aktar piżijiet.”
Dr Sant qal li minkejja r-retorika kkulurita li tingħad dwar solidarjeta` Ewropea, l-hekk imsejħa programmi ekonomiċi ta’ aġġustament għall-Greċja għandhom riħa ta’ ipokresija.
Fil-Parlament Ewropew il-Kummissarju Pierre Moscovici tkellem dwar il-laqgħa tal-Eurogroup ta’ nhar it-Tnejn dwar il-Greċja. Moscovici qal li l-Greċja mistennija tirritorna għat-tkabbir fit-tieni nofs tas-sena 2016 u jkollha defiċit ta’ anqas minn 3% fl-2017.