Għal ħafna minna, il-Liġi tax-Xogħol tista’ tkun tedjanti, iżda meta xi ħadd jissuġġerixxi li naħdmu ġurnata żejda fil-ġimgħa, kulħadd jibda jagħti attenzjoni.
Fil-Greċja, se jidħlu regoli ġodda minn nhar it-Tnejn, l-1 ta’ Lulju, li jagħmlu dan possibbli. Minn wara din id-data, ċerti industriji u negozji mistennija jaqilbu għal ġimgħa xogħol ta’ sitt ijiem jew tmienja u erbgħin siegħa, minflok it-tradizzjonali erbgħin.
Skont il-Gvern Grieg, ir-regoli l-ġodda għandhom jissimplifikaw it-tmexxija ekonomika, iżidu l-produttività u jnaqqsu l-ispejjeż tas-sahra, waqt li jgħinu jimlew it-toqob tan-nuqqas ta’ ħaddiema u jiġġieldu x-xogħol illegali.
Il-miżura tfakkar kif, f’pajjiżna, Gvern Nazzjonalista kien ħa l-miżura tal-awsterità li jċaħħad lill-ħaddiema mill-festi li jaqgħu fi tmiem il-ġimgħa bl-iskuża tal-produttività, anke jekk din ma kellha l-ebda suċċess.
Pajjiżi oħrajn Ewropej ukoll ilhom jesperimentaw b’mudelli differenti tax-xogħol, kemm billi jinfilsaw l-erbgħin siegħa xogħol fuq erbat ijiem jew inkella jipproduċu l-istess fi tmenin fil-mija tal-ħin.
Il-Greċja, iżda, qed taqbad rotta differenti u din mhix l-ewwel darba li l-pajjiż ġie ffaċċjat bil-proposta ta’ ġimgħa ta’ sitt ijiem xogħol. Fil-fatt, fil-kriżi tad-dejn li bdiet fl-2009 u kważi wasslet lill-pajjiż biex jitkeċċa miż-Żona Ewro, uħud minn dawk li sellfu lill-pajjiż esiġew li l-Griegi jaħdmu ħafna iżjed.
Dakinhar il-pajjiż kellu jintroduċi miżuri stretti ta’ awsterità bil-għan li jkun jista’ jikseb biljuni ta’ ewro f’bailouts. Minkejja dan, il-miżura ta’ sitt ijiem xogħol ma kinitx ġiet introdotta.
Illum il-Greċja qed tħabbat wiċċha ma’ qgħad ta’ għaxra punt tlieta fil-mija mbassar għal din is-sena u disgħa punt sebgħa fil-mija s-sena d-dieħla.
Minbarra hekk, ħafna ċittadini għadhom ibatu bil-livell tal-għajxien tagħhom, kawża ta’ piżijiet li ntefgħu fuqhom fl-aħħar snin.
Analisti ekonomiċi fil-pajjiż iqisu li l-miżura l-ġdida ta’ ġimgħa xogħol ta’ sitt ijiem mhijiex se ssolvi problemi ekonomiċi kbar li jeżistu, waqt li ħafna ħaddiema, li mhumiex rappreżentati minn trejdunjins, se jkunu sforzati jaħdmu aktar sigħat biex ma jitilfux l-impjieg.
L-istess qalu li s-sigħat żejda jistgħu jtaffu għal ftit ta’ żmien il-problema ta’ nuqqas ta’ ħaddiema, iżda dan mhux għal perjodu twil lanqas.