Ftit aktar minn xahar minn kemm ilu li nħatar bħala l-wieħed u tmenin (81) Granmastru tal-Ordni ta’ San Ġwann, Fra’ John Dunlap għamel l-ewwel żjara uffiċjali f’Malta.
Din iż-żjara f’Malta hija waħda sinifikanti għax Malta hija l-ewwel pajjiż li l-Granmastru qed iżur b’mod uffiċjali, kemm ilu li ġie elett.
Dwar din iż-żjara, ONE News tkellem mal-President tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ordni ta’ Malta, il-Markeżin Daniel de Petri Testaferrata, li spjega s-sinifikat ta’ din iż-żjara tal-Granmastru.
Huwa qal, “Dan huwa simbolu immens għal Malta. Il-fatt li l-Granmastru tal-Ordni ta’ Malta għażel li jżur l-ewwel post uffiċjalment, proprju l-gżejjer ta’ Malta u Għawdex, għalina hija xi ħaġa importantissima.”
F’din l-ewwel żjara uffiċjali tiegħu f’pajjiżna, il-Granmastru żar il-Kolleġġjata ta’ San Lawrenz tal-Birgu, fejn fl-1565, il-Granmastru La Vallette u l-Kavallieri, flimkien mal-poplu Malti, kantaw it-Te Deum meta rebħu kontra l-qawwa Ottomana fl-Assedju l-Kbir.
Il-Belt tal-Birgu, li fit-tarf tagħha hemm il-Forti Sant Anġlu, kienet il-belt li fiha għexu l-Kavallieri ta’ San Ġwann fl-ewwel żmien tagħhom wara li ġew f’Malta fl-1530 – taħt it-tmexxija tal-Granmastru L’Isle Adam. Baqgħu ibbażati hemm sakemm inbniet il-Belt Valletta, wara l-Assedju.
Huwa qal, “Dan huwa post ta’ storja immensa. Kemm aħna onorati li qegħdin hawnhekk. Kemm aħna grati tal-fatt illi l-belt tal-Birgu u n-nies tal-Birgu laqgħuna bi jdejhom miftuħin, proprju biex jilqgħu lill-Granmastru fostna.”
F’din il-quddiesa ta’ ferħ, il-Granmastru Dunlap inħatar Kanonku Onorarju tal-Kolleġġjata ta’ San Lawrenz tal-Birgu.
Preżenti għal kien hemm numru kbir ta’ membri tal-Ordni ta’ San Ġwann, li spikkaw bl-ilbies tal-Kavallieri, bis-salib bi tmien ponot. Attenda wkoll is-Sindku tal-Birgu, John Boxall.