Il-Karnival ta’ Malta irritorna b’suċċess u din l-edizzjoni intlaqgħet tajjeb ħafna minn bosta Maltin, Għawdxin u anke turisti li attendew bi ħġarhom għall-attivitajiet fil-Belt Valletta.
Permezz ta’ stqarrija, l-organizzaturi Festivals Malta qalu li l-Karnival din is-sena issupera kull aspettattiva f’termini ta’ produzzjoni, kif ukoll fil-livell għoli ta’ kreazzjonijiet artistiċi esebiti. Il-programm ta’ attiviatjiet din is-sena kien aktar mimli mis-soltu.
Il-Gran Finale ssir illejla tul Triq Sant Anna, fil-Furjana, permezz ta’ wirja bil-parteċipazzjoni tal-karrijiet kollha.
Iżda l-ħidma wara llejla ma tiqafx. Festivals Malta ħabbret li ser jerġa’ jirritorna wkoll il-Karnival tas-Sajf, li ser isir bejn it-18 u l-20 ta’ Awwissu 2023. Id-dettalji dwar dan il-festival jiġu mħabbra aktar ’l quddiem.
Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali, Owen Bonnici, esprima sens ta’ kburija għall-attendenza ħerqana li qed juri l-poplu Malti għall-attivitajiet tal-Karnival.