Diversi monumenti tal-bronż, fosthom dak tal-Gran Mastru De Valette u tar-Reġina Vittorja, kmieni dalgħodu sabu ruħhom lebsin ġakketta tas-salvataġġ u dan bħala messaġġ għall-Unjoni Ewropea.
Kien proprju profil fuq Instagram bl-isem ta’ @mayjseal, li tella sitt ritratti ta’ ħames monumenti tal-bronż u ta’ ġakketta tas-salvataġġ fl-art fil-Belt Valletta sabiex ifakkar in-numru ta’ mwiet ta’ migranti li tilfu ħajjithom fil-Mediterran mill-2014.
Il-profil spjega kif dawn il-monumenti qamu dalgħodu jfakkru 14,500 mewt mill-2014 ta’ migranti fosthom bosta żgħażagħ li tilfu ħajjithom jippruvaw ifittxu ħajja aħjar.
Temm jgħid li dawn l-eroj fl-Ewropa, dawk li hemm monument għalihom, għada se jkunu qed ifakkru dawk li tilfu ħajjithom fuq il-baħar.