L-Università ta’ Malta se tkun qed torganizza ċ-ċerimonji tal-gradwazzjoni din is-sena wara għadd ta’ diskussjonijiet.
Ħabbar dan il-Kunsill Studenti Universitarji fejn ikkonferma li ċ-ċerimonji se jkunu qed isiru.
Spjega kif iċ-ċerimonji tal-2020 u tal-2021 ta’ studenti li studjaw f’livell ta’ Baċċellerat mistennija jsiru din is-sena, filwaqt iċ-ċerimonji ta’ studenti li studjaw f’livell ogħla minn Baċċellerat se jkunu qed isiru fil-bidu tas-sena d-dieħla.
Kienu bosta studenti u anke ġenituri li tkellmu dwar it-tħassib tagħhom fuq il-midja soċjali fejn semmew leħinhom u spjegaw kif jemmnu li issa wasal iż-żmien li titħejja ċ-ċerimonja tal-gradwazzjoni tagħhom.
S’issa l-Università għadha ma ħabbritx konferma tad-dati iżda mistennija titħabbar fil-jiem li ġejjin.