L-istudenti qed jesperjenzaw u jgawdu mill-ekonomija b’saħħitha ta’ pajjiżna. Dan jidher biċ-ċar minn statistika li ħarġet il-Eurostat, li b’ persentaġġ ta’ 97%, jirriżulta li Malta huwa l-aktar pajjiż Ewropej li fih studenti gradwati qed isibu impjieg.
Wara li l-aġenzija ta’ klassifikazzjoni ta’ kreditu internazzjonali Fitch rrevediet il-previżjonijiet tagħha tal-ekonomija ta’ pajjiżna minn waħda stabbli għal pożittiva, din l-istatistika tkompli tikkonferma kemm dan it-titjieb qed jesperjenzawh il-Maltin. Din l-istatistika turi li Malta hija fost l-aqwa pajjiżi fl-Ewropa, li qed joffri spazzju ekonomiku b’saħħtu għall-istudenti li jtemmu l-istudji tagħhom.
Skont din l-istatistika, il-Ġermanja huwa t-tieni l-iżjed pajjiż li fih studenti qed isibu xogħol wara li jigradwaw, filwaqt li l-Iżvezja huwa t-tielet l-iktar pajjiż.
B’50% tal-istudenti li jigradwaw jirnexxilhom isibu mpjieg, il-Ġreċja huwa l-iżjed pajjiż li fih studenti gradwati mhux jirnexxilhom jidħlu fid-dinja tax-xogħol. L-istudenti Taljani u dawk Spanjoli, jidher li ukoll qed isibu diffikulta biex isibu impjieg, hekk kif l-istatistika turi li kienu biss 57.6% u 68.7% rispettivament tal-istudenti li sabu impjieg.