Malta għandha fost l-ogħla rati ta’ studenti fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, li wara li jiggradwaw, isibu xogħol.
Dan ħareġ skont ċifri mill-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea, il-Eurostat, li ġew ippubblikati aktar kmieni din il-ġimgħa.
Skont dawn iċ-ċifri ħareġ li Malta għandha rata qawwija ta’ kważi 91% tal-gradwati, li għandhom bejn l-20 u l-34 sena, li jsibu xogħol minnufih.
Hawnhekk ir-rata ta’ pajjiżna, li tieħu inkonsiderazzjoni s-sena l-oħra, tisboq sew ir-rata tal-medja tal-pajjiżi tal-Unjoni Ewropea, li hija ta’ 82%. Dan ifisser differenza ta’ kważi disgħa fil-mija.
Minn dan l-istħarriġ ħareġ li Malta u tliet pajjiżi oħra: il-Lussemburgu, l-Olanda u l-Ġermanja jaqbżu d-90% tal-grawdati li jsibu xogħol.
Dan filwaqt li l-inqas pajjiżi, fejn il-gradwati jsibu xogħol huma r-Rumanija, il-Greċja u l-Italja, li t-tlieta li huma, għandhom rata ta’ inqas minn 70%.
Dawn iċ-ċifri tal-Eurostat jikkonfermaw li l-maġġoranza assoluta tal-istudenti Maltin minn istituzzjonijiet edukattivi bħall-Universita, l-MCAST u l-ITS, fost l-oħrajn, qegħdin isibu impjieg.
Minn dawn iċ-ċifri tal-Uffiċċju tal-Istatistika tal-Unjoni Ewropea ħareġ li f’pajjiżna, id-differenza bejn is-sessi kienet waħda minima, hekk kif din kienet ta’ 0.3%. Dan hekk kif iż-żgħażagħ nisa Maltin kellhom rata ta’ 90.9%, waqt li r-rata ta’ żgħażagħ irġiel kienet ta’ 90.6%.
Dawn iċ-ċifri uffiċjali mill-Eurostat huma sew kontra n-narattiva tal-esponenti tal-Partit Nazzjonalista, fosthom il-Kap Bernard Grech.
Dan hekk kif fl-aħħar ġimgħat, il-Kap Nazzjonalista kien għaddej b’kampanja qarrieqa fuq stħarriġ ta’ ditta privata li wera kif iż-żgħażagħ Maltin ikollhom xewqa li jfittxu esperjenza barra.
B’dan l-istħarriġ spiċċa tema ewlenija tal-Partit Nazzjonalista li kontinwament ipprova jibni kampanija ta’ twerwir, hekk kif skontu, ħadd ma jrid jibqa’ jgħix Malta.