Malta hija t-tieni l-aktar pajjiż fl-Ewropa fejn persuni li jkunu għadhom kif iggradwaw isibu mpjieg.
L-organizzazzjoni internazzjonali The Knowledge Academy ikkonfermat wara stħarriġ intensiv li f’Malta aktar minn disgħin fil-mija tal-gradwati jsibu mpjieg relatat ma’ dak li jkunu studjaw.
Kienet biss l-Iżlanda li qabżet lil Malta b’rata ta’ wieħed u disgħin punt tmienja fil-mija. Malta ikklassifikat fit-tieni post b’rata ta’ disgħin punt erba’ fil-mija, l-Olanda u n-Norveġja fit-tielet u r-raba’ post rispettivament b’disgħa u tmenin punt tnejn fil-mija, u l-Ġermanja bi tmienja u tmenin punt sebgħa fil-mija.
L-istess analiżi kkonfermat ukoll li nofs il-gradwati fl-Italja u l-Greċja ma jsibux impjieg. Jidher li din is-sitwazzjoni hija wkoll realtà fir-Rumanija, Franza, il-Bulgarija, il-Kroazja u Spanja, fejn minn tal-inqas tletin fil-mija tal-gradwati ma jsibux opportunità ta’ impjieg wara li jkunu temmew l-istudji tagħhom.
Jidher ukoll li fir-Renju Unit, għoxrin fil-mija ta’ dawk li jiggradwaw anke f’livell maġisteru jew dottorat ma jsibux impjieg.
L-aġenzija spjegat li l-istudju kien xprunat fost l-oħrajn mill-fatt li bosta gradwati Ewropej jagħżlu li jibdew il-karriera tagħhom wara l-istudju f’pajjiż barrani. Qalet li dan għandu jservi ta’ gwida għall-gradwati, biex jagħżlu l-aħjar suq tax-xogħol fl-Ewropa biex inibbtu l-karriera tagħhom fih.