Il-Gozo Tourism Association (GTA) żammet id-dsatax-il laqgħa ġenerali annwali tagħha f’waħda mil-lukandi ewlenin f’Għawdex. Din il-laqgħa tat bidu għal sena oħra ta’ ħidma minn din l-assoċjazzjoni li tirrappreżenta lil diversi operaturi fis-settur turistiku fil-gżira ta’ Għawdex.
Waqt l-indirizz tagħha, il-Ministru għal Għawdex Justyne Caruana, filwaqt li ferħet lill-assoċazzjoni tas-suċċessi miksuba, tat indikazjoni ċara dwar id-diskussjoni li għandha tinbeda fuq il-viżjoni u l-rwol tal-GTA u fuq l-sfidi ġodda li għandu is-settur tat-turiżmu f’ Għawdex. Hi fakkret kif wieħed minn kull ħames impjegati hu direttament involut fis-settur turistiku, u b’hekk l-importanza u l-kontribut ekonomiku qawwi li dan is-settur iħalli fil-gżira Għawdxija. Il-Ministru għal Ghawdex esprimiet ix-xewqa tagħha li tara aktar żgħażagħ li jsegwu karriera fl-industrija turistika biex b’hekk il-prodott turistiku jkompli jissaħħaħ. Il-Ministru Caruana semmiet ukoll l-inizjattivi li ġew imħabbra fl-aħħar budget li huma intiżi li jkomplu jgħollu l-prodott turistiku. Il-Ministru għal Għawdex inkoraġġiet lil dawk kollha li huma involuti fl-industrija turistika biex ikomplu jinvestu u jsaħħu l-prodott turistiku Għawdxi. Il-Ministru Caruana saħqet li għalekk is-sena 2017 kienet sena ta’ suċċessi għat-turiżmu f’Għawdex, u li rridu nkunu ppreparati għal swieq ġodda u nkunu kompettitivi. Fuq kollox irridu nbiegħu lil Għawdex mhux biss bħala destinazzjoni distinta, imma wkoll bħala waħda kwalitattivà. Huwa l-impenn tal-Ministeru għal Għawdex li jsaħħaħ l-infrastruttura u l-aċċessibbiltà għal Għawdex biex inkunu nistghu nilħqu l-miri ta’ turiżmu sostenibbli u kwalitattiv.
Joe Muscat, CEO tal-Gozo Tourism Association, elenka l-ħidma bla heda tal-GTA f’diversi oqsma kemm fil-gżira Għawdxija kif ukoll barra minn xtutna, fejn Għawdex ġie rreklamat f’diversi fieri internazzjonali tal-ivjaġġar. Muscat esprima s-sodisfazzjon tal-GTA għas-suċċessi miksuba fil-qasam turistiku matul is-sena 2017, suċċess li kien ibbażat kemm fuq it-turisti barranin, kif ukoll żieda fit-turiżmu intern, liema ammonti baqgħu jiżdiedu fuq is-sena preċedenti, b’żieda ta’ tlettax fil-mija (13%). Għawdex esperjenza żieda wkoll f’dawk il-persuni li jorqdu aktar minn lejl wieħed fejn iż-żieda f’dan ir-rigward kienet ta’ tnax fil-mija (12%). Muscat faħħar ukoll l-inizjattivi li qed jimbarka fuqhom il-Ministeru għal Ghawdex matul din is-sena, bil-ħolqien ta’ festivals tematiċi li qed iħallu l-frott mixtieq u li qed jitrasformaw verament lil Għawdex bħala destinazzjoni turistika b’differenza s-sena kollha.
Il-membri preżenti kienu indirizzati miċ-Chairman tal-GTA Paul Scicluna, li semma l-ħtieġa li tkompli tittejjeb kull tip ta’ konnettività bejn Malta u Għawdex. Barra minn hekk huwa enfasizza l-bżonn ta’ titjib fl-offerta tal-istabbilimenti turistiċi Għawdxin.
Matul il-laqgħa sar intervent ukoll minn żewġ rappreżentanti ta’ Booking.com li spejgaw il-benefiċċji li l-operaturi turistici Għawdxin jistgħu jigwadanjaw minn dan is-sit popolari.
Paul Bugeja, CEO tal-Malta Tourism Association, indirizza lill-membri preżenti fejn ferħilhom għas-suċċess miksub. Hu spjega kif bħala l-awtorità responsabbli mit-turiżmu f’pajjiżna, qed isibu ħafna koperazzjoni mill-GTA f’dak li għandu x’jasam reklamar u esperjenza. Hu awgura li r-relazzjonijet b’saħħithom li jeżistu bejn il-GTA u l-MTA jibqgħu jissaħħu biex dawn is-suċċessi miksuba mhux biss jirrepetu ruħhom imma jitkattru tul is-snin li ġejjin.
F’din il-laqgħa ġie wkoll ippreżentat ir-rapport finanzjarju għall-approvazjoni tal-membri preżenti. Waqt din il-laqgħa, ġie maħtur ukoll il-board li ser imexxi l-assoċjazjoni matul din is-sena.
Ritratt: MGOZ