Jinsabu fil-fażijiet finali, ix-xogħlijiet fuq l-akbar investiment f’Għawdex b’rabta ma’ infrastruttura sportiva.
Il-Gozo Indoor Sports and Aquatic Pavilion se jkun kumpless uniku fejn mhux biss huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu f’pajjiżna, iżda se jkun qed jagħti dimensjoni oħra lill-isports f’Għawdex u anke fuq livell nazzjonali.
Dan il-kumpless, li se jkun mifrux fuq medda ta’ ħamest elef (5,000) metru kwadru, se jkun faċilità lil tmur lil hinn mill-qasam sportiv relatat mal-għawm, iżda se jinkorpora dixxipplini sportivi oħra fosthom sports tax-xibka, inkluż volleyball, netball, padel, u sport ieħor.
Aktar minn hekk, se jkun hemm sala ddedikata biex tospita sezzjonijiet għall-ġinnastika u għaż-żfin, kif ukoll tabel tennis u arti marzjali.
F’kumment ma’ ONE News, is-segretarju tal-Gozo Sports Board Kevin Azzopardi, spjega l-iskop ta’ dan il-padiljun u kif se jkun qed jilqa’ numru kbir ta’ studenti u atleti.
“L-iskop hu illi apparti li jitgawda b’mod regolari mill-komunità sportiva Għawdxija, ukoll matul il-ħinijiet tal-iskola jitgawda mill-istudenti Għawdxin, però aktar minn hekk ukoll nattiraw il-parteċipazzjoni ta’ atleti u avvenimenti internazzjonali lejn Għawdex; allura nkunu parti mill-ħolqa ta’ turiżmu sportiv lejn il-gżira Għawdxija.”
Dan kollu se jkun qiegħed jiġi esebit f’Open Day nhar l-Ħadd 14 t’April, fi Triq Dom Mintoff biswit il-padiljun fil-Belt Victoria, fejn f’esperjenza unika għall-familja kollha, se jkun hemm diversi għaqdiet u organizzazzjonijiet sportivi Għawdxin b’informazzjoni għall-pubbliku dwar dixxipplini sportivi offruti f’Għawdex.
“Jiena nħeġġeġ lill-pubbliku, mhux biss sportiv, lill-pubbliku inġenerali kemm Għawdxi kif ukoll Malti, illi jiġi jiltaqa’ magħna hawnhekk bejn id-9 ta’ filgħodu u l-5 ta’ filgħaxija. Se jkollna tournament tal-futbol għaddej – tfal Għawdxin minn nursuries Għawdxin, mill-bliet u rħula Għawdxin, kif ukoll numru t’attivitajiet attrajenti għat-tfal u anke min iżurna wkoll jista’ jagħti daqqa t’għajn lejn ix-xogħlijiet kollha illi twettqu s’issa f’dan il-kumpless, u anke jista’ jiltaqa’ mal-Perit tal-proġett u jistaqsi l-mistoqsijiet illi jidhirlu wkoll.”