Il-kumpanija Gozo Channel ċaħdet kategorikament il-kontenut tal-istorja riċiklata li ppublikat il-gażżetta The Sunday Times of Malta intitolata Gozo Channel’s own committee wanted Virtu to get fast ferry deal.
Fi stqarrija, il-Gozo Channel qalet li dan l-artiklu huwa evidentament ibbażat fuq premessi fattwalment żbaljati għal kollox.
Il-gażżetta naqset milli tifhem li f’dan il-proġett kien hemm żewġ tenders separati b’rekwiżti differenti. Għalhekk il-Gozo Channel, bħal kull entita kummerċjali oħra interessata, kellha tagħmel żewġ proċessi differenti li jirriflettu l-ħtiġijiet ġodda.
Filwaqt li l-kumpanija mhux lesta li timmina x-xogħol li qed isir u tirrendih f’sensiela ta’ stqarrijiet u kontro-stqarrijiet, il-Gozo Channel ddikjarat li għandha fiduċja assoluta fil-proċessi li għaddejjin u li se jirriżultaw fi proġett li bla dubju se jħares l-interessi ta’ Għawdex u Malta.
Il-kredibilita tat-tmexxija tal-Gozo Channel hija kkonfermata mir-riżultati miksuba fl-aħħar snin li juru kif, minn sitwazzjoni ta’ telf, il-kumpanija għamlet turnaround pożittiv u bdiet topera bi profitti li jissarrfu f’iktar investimenti għal eluf li jużaw is-servizzi tagħha u għal mijiet li jaħdmu magħha.
Din hija wkoll l-ewwel tmexxija tal-Gozo Channel li qed tieħu sehem f’eżerċizzju għal kumpanija iktar effiċjenti fid-dawl taż-żieda fid-domanda li mistennija tissokta. Kif diġa tħabbar, il-proċess qed jitmexxa mis-Sur David Spiteri Gingell u se jwassal għal immaniġġjar aħjar tal-assi tal-kumpanija u tfassil ta’ metodi tal-operat iktar moderni biex il-kumpanija tkompli taqdi rwol fundamentali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali.