Waqt il-Kunsill tal-Malta Football Association sar magħruf li l-gowler ta’ Vittoriosa kien sospiż għal sitt xhur. Dan wara li sar magħruf li lagħab imħatri fuq it-tim tiegħu u ta’ timijiet oħra Maltin.
Fil-laqgħa tal-kunsill, is-Segretarju Ġenerali tal-MFA, Bjorn Vassallo, fakkar kif ebda plejer Malti ma jista’ jilgħab imħatri fuq il-futbol lokali u kien għalhekk li James Mercieca kien sospiż sitt xhur mill-bord ta’ tixħim u l-imħatri. Sospensjoni li dwarha se jkun hemm appell.
REAZZJONI BIRGU
L-Assistent Segretarju ta’ Birgu rreaġixxa u qal: “Nixtieq ninfurmak li fl artiklu tiegħek hemm informazzjoni delikata skorretta li din tista tinftiehem ħażin u tiġi riflessa reputazzjoni tal-klabb ukoll. James Mercieca qatt ma ġie pruvat li lagħab imħatri fuq il klabb tiegħu ta’ Vittoriosa Stars. Il-każ ta’ James Mercieca huwa dwar imħatri fuq logħbiet oħra li ma jikkonċernawx il-klabb tiegħu u wisq iktar diviżjoni tiegħu.
NOTA EDITORJALI
Filwaqt li napprezzaw ir-reazzjoni ta’ Birgu, it-tagħrif ippubblikat minn one.com.mt huwa kkonfermat mis-sors uffiċjali tal-MFA. Intant, li Mercieca mhux jaqbel mad-deċiżjoni tal-MFA toħroġ ċara wkoll mill-fatt li hemm appell. Xi ħaġa li rrapportajna dwarha.