Ix-xogħlijiet fuq il-ġonna tal-Argotti fil-Furjana bdew fl-aħħar ta’ Marzu u se jkunu qed jitlestew sa Diċembru li ġej. Dan b’investiment ta’ €4 miljun biex dawn il-ġonna jingħataw lura d-dehra oriġinali tagħhom.
Fil-fatt daħlet fir-raba’ fażi tiegħu x-xogħol ta’ restawr li qed isir fuq il-ġonna li se jkun qed jinkludi ukoll l-installazzjoni ta’ CCTV kameras u sistema tal-ilma ġdida inkluż servizz ta’ WI-FI b’xejn għal kulħadd. Ir-restawr fuq il-ħitan u s-swar tal-ġnien, fost oħrajn, ġew konklużi.
Il-Ministru għall-ambjent José Herrera żar dawn ix-xogħlijiet u qal li din hija parti mill-viżjoni tal-Partit Laburista u li dan huwa wieħed minn sensiela ta’ proġetti. Il-Ministru spjega li se jkun qed isir pavimentar f’dan il-ġnien, li se jibda f’Ġunju. Huwa għamel referenza ukoll għal proġetti oħra li qed isiru xogħlijiet fuqhom fosthom dak ta’ Wied Blandun u l-foss ta’ Ħaż-Żabbar.
Il-Ministru Herrera qal li l-isfida hija li dawn il-ġonna jinżammu fi stat tajjeb. Għalhekk, se jkun hemm aġenzija ġdida li se tkun qed responsabbli għall-ħarsien tal-parks u l-ġonna f’pajjiżna.