Fi stqarrija GO plc avżat lill-pubbliku li bħalissa mhux qed tagħmel ebda stħarriġ onljan. Kull individwu li jara fuq l-iskrin pop-up b’messaġġ , li apparentement jidher minn GO, u jitlobu biex jipparteċipa fi stħarriġ b’opportunità li jirbaħ premju, għandu jinjora kompletament dan il-messaġġ. L-istħarriġ huwa fil-fatt falz u ddisinjat biex iqarraq il-membri tal-pubbliku biex jagħtu tagħrif personali tagħhom ma’ terzi persuni li s’issa għadhom mhux magħrufa.
GO fakkret lill-pubbliku li kwalunkwe kontenut ippubblikat onlajn minn GO jidher biss fuq il-websajt uffiċjali tagħha fuq www.go.com.mt jew fuq il-paġni uffiċjali tal-midja soċjali. Kwalunkwe kontenut onlajn ieħor li jidher li hu minn GO, speċjalment jekk jidher bħala pop-up, għandu dejjem ikun injorat.
Dawk il-klijenti li għandhom xi mistoqsijiet jew tħassib dwar dan l-istħarriġ falz huma mitluba jikkuntattjaw lil GO, jew jibagħtu messaġġ permezz ta’ Facebook fuq www.facebook.com/go.com.mt. Wieħed jista’ wkoll iċempel 8007 2121.