Il-gazzetta KullĦadd irrapportat li l-Premier League Ingliż ikkonferma li huwa bir-regoli tal-istess kampjonat li l-kumpanija GO ma tistax ixxandar il-logħob kollu tal-kampjonat b’mod dirett.
Fi snin li għaddew il-GO xandret il-logħob tal-Premier League Ingliż mingħajr xkiel u kien minn dan l-istaġun id-dilettanti sportivi abbonati mal-GO mhux bilfors għandhom id-dritt sagrosant li jaraw il-benjamini tagħhom jilagħbu -aktar kampjonat segwit. Dan wassal għal ilmenti għand l-Awtorità tal-Konsumatur li minkejja r-risposta tal-kampjonat Ingliż għadha qed tinvestiga l-każ.
Dan għax teżisti rabja kbira fost il-klijenti tal-GO li qed iħossuhom li ġew imqarrqa mill-kampanji ta’ reklamar li l-GO dejjem għamlet sabiex tħajjar aktar nies jabbonaw magħha u b’hekk jaraw il- logħob tal-Premier League Ingliż mingħajr xkiel.
Minkejja li l-GO obdew l-istruzzjonijiet li tawhom minn barra, l-Awtorità li tiddefendi l-interessi tal-konsumaturi kkonfermat li l-kumpanija għadha taħt il-lenti tal- investigazzjoni u għadhom għaddejin il-laqgħat bejn iż-żewġ naħat.
Fil-fatt, qed jiġi investigat jekk il-GO kinitx konxja minn qabel li mhux se turi l-logħob kollu imma xorta baqgħet tħajjar u tpinġi sitwazzjoni li għandek bżonn il-kumpanija biex tara t-tim Ingliż favorit tiegħek.
Il-GO qed tiddefendi l-pożizzjoni tagħha billi tgħid li kellha klawsola l-kuntratt mal-abbonati u li kienet miktub li m’hemmx garanzija li se jixxandar il-logħob kollu. Klawsola li kif jiġri dejjem ftit li xejn tkun ingħatat prominenza bi klijent jgħid li diffiċli ssibha.