F’aħbar li qed tiżviluppa f’dan il-ħin, il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Maqgħuda fi New York l-Istati Uniti, għadu kemm approva riżoluzzjoni importanti għall-waqfien mill-ġlied u aktar għajnuna umanitarja fil-Lvant Nofsani, speċjalment f’Gaza.
Ir-riżoluzzjoni kienet maqbula wara jiem ta’ negozjati biex jiġi evitat l-użu tal-veto mill-Istati Uniti. Minkejja dan ir-Russja ppreżentat emenda oħra fl-aħħar minuti. Minkejja din ma ġietx approvata.
Pajjiżi Għarab qed iqisu li r-riżoluzzjoni ċediet ħafna biex ikunu aġevolati l-Istati Uniti u Iżrael.
Malta, li bħalissa għandha siġġu mhux permanenti fil-Kunsill tas-Sigurtà, f’nofs Novembru li għadda ressqet riżoluzzjoni separata favur il-protezzjoni tal-innoċenti li sabet l-approvazzjoni tal-maġġoranza u mingħajr voti kontra.
Il-Prim Ministru Malti Robert Abela wkoll appella diversi drabi fl-aħħar xhur fil-fora internazzjonali favur il-paċi u l-waqfien mill-ġlied b’mod permanenti.