Il-Kummissjoni Għolja għar-Refuġjati fi ħdan il-Ġnus Magħquda u l-Organizazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni appellat lill-istati membri tal-Unjoni Ewropea biex iżidu l-impenn tagħhom ħalli mal-160 immigrant li jinsabu abbord żewġ bastiment tal-Captain Morgan jiddaħħlu l-art.
Kemm il-Ġnus Magħquda u l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni qalu li pajjiżi fil-Mediterran kienu fuq quddiem jilqgħu l-immigranti u waqqfu traġedji fil-baħar billi ssalvaw il-ħajjiet.
Qalu li dawn il-pajjiżi fil-Mediterran għandhom sfidi oħra fosthom tal-imxija tal-COVID-19.
F’dan il-kuntest talbu għall-iżjed solidarjetà minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea.
Qalu li r-rilokazzjoni ta’ sbatax-il immigrant minn Malta lejn Franza turi li anki fi żmien l-imxija, il-prinċipju tas-solidarjetà jista’ jitħaddan.
Fl-aħħar sigħat fi stqarrija l-Gvern qal li huwa talab lill-Kummissjoni Ewropea sabiex tikkordina r-rilokazzjoni tal-immigranti billi saru talbiet f’Jannar, fi Frar u f’April iżda sa issa għad hemm stennija għas-soluzzjoni mill-Unjoni Ewropea.