L-attività umana qed tibdel il-klima b’rata bla preċedent u ħafna mill-ħsara hija irreparabbli. Dan ġie kkonfermat wara l-pubblikazzjoni ta’ rapport maġġuri minn grupp apposta fil-Ġnus Magħquda li ried jistudja t-tibdil fil-klima. Fost oħrajn ir-rapport iwissi dwar aktar mewġ ta’ sħana u għargħar, iżda qalu li jaf ikun hemm bilanċ f’dan kollu jekk tittieħed azzjoni f’waqtha. Qalu wkoll li sa tmiem din is-sena, il-livell tal-baħar jaf jogħla b’żewġ metri.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda Antonio Guterres qal li qed jistenna li l-gvernijiet jimpenjaw rwieħhom biex inaqqsu l-emmissjonijiet tal-karbonju. Żied ukoll li issa li għandna r-rapport f’idejna, jekk il-pajjiżi jaħdmu id f’id, nevitaw sitwazzjoni katastrofika marbuta mal-ambjent.
L-aħħar rapport maġġuri dwar it-tibdil fil-klima kien sar mill-Ġnus Magħquda fl-2013. Dak ippubblikat it-Tnejn għandu jiġi diskuss ukoll f’summit fi Glasgow f’Novembru li ġej.
Ritratt: Reuters