L-Assemblea Ġenerali tal-Ġnus Magħquda se tiltaqa’ għada biex tiddiskuti s-sitwazzjoni f’Gaza.
Din il-laqgħa ta’ emerġenza se ssir wara li l-Istati Uniti taw veto fuq riżoluzzjoni għall-waqfien mill-ġlied waqt il-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, li ngħatat appoġġ kważi mill-membri l-oħra kollha.
Sadanittant, il-medjatur għall-Qatar f’din il-gwerra qal li ċ-ċans li jieqaf il-ġlied bejn Iżrael u l-Hamas qiegħed kull ma jmur jonqos, iżda wiegħed li se jibqa’ jagħmel pressjoni liż-żewġ naħat.
Iżrael ordna liċ-ċivili biex jevakwaw miċ-ċentru ta’ Khan Younis; b’uffiċjali jgħidu li ma jridux lin-nies ċivili jinqabdu fil-ġlied kbir li għaddej bħalissa.
Xhieda li tkellmu mal-BBC tkellmu dwar it-terrur u l-biża’ li qed jiddominaw fil-qalba ta’ din il-belt fin-naħa t’isfel ta’ Gaza, fi sfond ta’ bombi kontinwi u battalji ma jaqtgħu xejn.
L-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa ddeskriviet is-sitwazzjoni tas-sistemi tas-saħħa f’Gaza bħala “katastrofiċi”, b’kundizzjonijiet li qed jagħmluha faċli ħafna għall-mard biex jinxtered.
Qed jingħad li f’din il-gwerra sa issa, inqatlu madwar tmintax-il elf Palestinjan, inklużi eluf ta’ tfal.