Il-Ġnien Carmelo Dimech mifrux fuq madwar elf u sitt mitt metru kwadru ta’ spazju miftuħ għadu kemm ingħata dehra isbaħ, b’għadd ta’ xogħlijiet li twettqu fl-aħħar xhur u t-tħawwil ta’ madwar tlett elef pjanta staġjonali ġdida u siġar u arbuxelli addattati għall-klima ta’ Malta.
Il-proġett, li twettaq, inkluda wkoll sistema ġdida ta’ irrigazzjoni u metodi għall-konservazzjoni tal-ilma tax-xita, waqt li jiġi evitat li l-ħamrija tiskula mal-ilma.
Il-post ġie inawgurat it-Tnejn mill-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir, Miriam Dalli, is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi, Omar Farrugia, u s-Sindku tal-lokal, Joseph Gatt.
Is-Segretarju Parlamentari Farrugia spjega li x-xogħol ta’ rinnovar jagħmel parti minn ftehim li jeżisti mal-kunsilli, fejn ħaddiema tad-dipartiment responsabbli jwettqu tisbiħ fil-lokalitajiet għall-ġid tal-komunitajiet.
“Ftit ta’ xhur ilu, bħala Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi ħabbarna framework agreement mal-kunsilli lokali kollha ta’ pajjiżna biex flimkien inżidu l-effiċjenza u nnaqqsu l-burokrazija fuq ċerti proġetti.”
Min-naħa tagħha, il-Ministru Dalli rringrazzjat lill-aġenzija Ambjent Malta u d-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi li, flimkien, qed itejbu l-ispazji pubbliċi madwar il-pajjiż, waqt li jippromwovu s-sostenibbiltà ambjentali.
“Grazzi għall-ħidma ta’ Ambjent Malta u l-Public Works, li ħadmu flimkien mal-Kunsill Lokali tal-Mosta, irrinnovajna b’mod totali dan il-Ġnien Carmelo Dimech, fil-Mosta. Allura, hawnhekk, għandna ġnien li għandu aktar minn 1,600 metru kwadru fil-qalba tal-Mosta, qrib l-iskola ukoll tal-lokal u jista’ jagħti spazju aħdar, spazju fejn il-familji tal-Mosta u anke dawk li jżuru l-lokalità jistgħu jirrilassaw.”
Bil-għan li l-post ikun iżjed sostenibbli u awtosuffiċjenti, din ir-riġenerazzjoni tal-post inkludiet l-installazzjoni ta’ ġibjun tal-ilma b’kapaċità ta’ mitt metru kubu, biex jiġbor l-ilma tax-xita li se jmur għat-tisqija tas-siġar u l-pjanti fil-ġnien.
Saru wkoll mogħdijiet solari li bdew jiġġeneraw l-elettriku meħtieġ fil-post.